Wara li għalaq l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena, BirdLife Malta tinnota li dan kien għal darba oħra staġun mimli illegalitajiet, l-aktar il-qtil ta’ għasafar protetti, inkluż il-Gamiema. Waqt li l-Ministru Clint Camilleri jaf li l-
Kummissjoni Ewropea mhix kuntenta bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ staġun tal- kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, li hija protetta, huwa wkoll konxju li dan kien illegali u sar bi ksur tad-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar li speċifikament ma tippermetti l-ebda kaċċa fir-rebbiegħa fuq din l-ispeċi minħabba l-istatus Vulnerabbli tagħha.
Biex tkompli tgħaxxaqha, kien ukoll staġun ieħor li fih il-kaċċaturi kienu osservati jiksru l-liġi bl-użu mifrux ta’ apparat tal-għajjat elettroniku u anke bil- qtil illegali tal-Gamiem matul l-ewwel ġimgħa meta suppost setgħet tiġi kkaċċjata biss is-Summiena. Dan kien jinkludi wkoll numru ta’ każi ta’ nsib illegali għall-Gamiem, li wħud minnhom faċilment jispiċċaw f’guvi tal-FKNK.
Dawn l-għasafar imbagħad jiġu ddikjarati bħala mrobbija fil-magħluq u jintużaw biex taparsi jnessu l-effetti negattivi tal-kaċċa fuq il-bijodiversità billi jinħelsu lura fin-natura.
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara spjega: “Dan l- istaġun kien għal darba oħra vvizzjat bil-kaċċa għal għasafar protetti, minn tajr tal-priża bħal Bagħdan Ħomor, Spanjuletti, Żumbrell u Arpi għal tajr ieħor bħal Buqrajq, Qerd in-Naħal, Tajr Isfar u Daqquq tat-Toppu. L-għasafar li spiċċaw fil- mira tal-kaċċa illegali u nġabru minn BirdLife Malta u l-pulizija huma biss il-ftit għasafar li l-kaċċaturi ma jirnexxilhomx jirkupraw, u jirrappreżentaw indikazzjoni tal-livell ta’ qtil illegali ta’ speċi protetti varji li jseħħ kull meta Malta tiftaħ staġun tal-kaċċa matul il-passa tar-rebbiegħa ta’ dawn l-ispeċi Ewropej. Waqt li aktar minn 8,000 kaċċatur ingħataw liċenzja biex jipprattikaw
għal staġun tal-kaċċa ta’ tliet ġimgħat, eluf ta’ tajr protett kien massakrat biex jiżdied mal-kollezzjonijiet personali ta’ tajr ibbalzmat taħt l-amnestiji mogħtija fl-1997 u l-2003, prattika li riċentement reġgħet ingħatat spinta bis-saħħa tal-
bidliet fil-liġi li saru qabel l-aħħar elezzjoni, fl-istess ħin li t-Taqsima tar- Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) tibqa’ spettatur aktar milli regolatur quddiem dan il-kummerċ illegali ta’ speċi selvaġġi.”
Matul il-perjodu bejn l-10 u t-30 ta’ April, BirdLife Malta rċeviet total ta’ 18-il għasfur ferut ta’ 15-il speċi protetta differenti waqt li l-Environmental Protection Unit (EPU) tal-pulizija rċeviet 16-il vittma oħra tal-kaċċa illegali.
Aktar għasafar osservati jew miġbura b’feriti tas-snieter tal-kaċċa kienu jinkludu Rsieset Griżi u Ħomor, Kwakk, Seqer tal-Ħannieqa, Daqquqa Kaħla, Kaċċamendula u saħanistra Gawwija Prima. B’kollox, il-kamp annwali tagħna
Spring Watch – b’medja ta’ tliet timijiet biss kuljum mifruxin f’numru ta’ postijiet madwar Malta u Għawdex – osserva aktar minn 208 inċident tal-kaċċa illegali matul dan il-perjodu.
In-nuqqas ta’ kontroll tal-kaċċa fuq speċi protetti jgħodd ukoll għall-ispeċi koperti mid-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa – il-Gamiema, li hija red-listed, u s- Summiena – li suppost kienu kkontrollati minn kwoti allokati għall-istaġun.
BirdLife Malta ttenni li m’hemm l-ebda dubju li l-kwota nazzjonali għall- Gamiem inqabżet. L-ikbar prova li tixhed in-nuqqas ta’ kontroll tal-attività tal- kaċċa huwa l-fatt li l-kaċċaturi nfushom ammettew li ma setgħux jaċċessaw is-
sistema diġitali tar-rappurtaġġ tal-qbid, bil-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) Lucas Micallef joħroġ mill-ewwel iwiddeb lill-kaċċaturi biex ma jilmentawx ħalli ma jmorrux b’xi mod jipperikolaw iċ-ċans li jgawdu staġuni futuri tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nicholas Barbara żied jgħid: “In-nuqqas ta’ kontroll fuq id-deroga tal-kaċċa u l- impunità tal-komunità tal-kaċċaturi din is-sena dehru ċar f’numru ta’ fenomeni ġodda bħall-użu ta’ apparat tal-għajjat artifiċjali biex ikun attirat u jiġi kkaċċjat il-Buqrajq, l-użu tal-istess apparat għall-Gamiem, kif ukoll il-kaċċa għall- Gamiem qabel is-17 ta’ April. F’każ partikolari kaċċatur baqa’ għaddej qisu mhu xejn minkejja li nqabad fil-fatt jikkaċċja għall-Gamiem qabel is-17 ta’ April”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana kkonkluda: “Huwa ċar li dan kien staġun li fih kulħadd tħalla jagħmel li jrid, bi preżenza qawwija u evidenti ħafna ta’ kaċċaturi f’Għawdex fejn, min-naħa l-oħra, spikka l-livell baxx ħafna
ta’ infurzar mill-pulizija. Indikazzjoni ċara oħra tan-nuqqas ta’ infurzar f’Għawdex huwa l-ammont ta’ każi ta’ għasafar protetti feruti li nġabru minn Għawdex. Ir-riżultat aħħari ta’ dan kollu huwa l-fatt li l-kaċċaturi f’Malta u Għawdex issa draw jagħmlu li jridu qisu xejn mhu xejn, għax jafu li se jeħilsuha ħafif meta jisparaw fuq tajr protett. Jekk wieħed iqabbel l-aħħar ħames snin mill-2018 sal-lum mal-ħames snin ta’ qabel (2013-2017) isib li l-ammont ta’ għasafar protetti li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali kważi ttrippla.”
Fl-aħħar tliet ġimgħat, Malta falliet milli tipproteġi l-għasafar waqt il-passa tagħhom tar-rebbiegħa u fetħet in-nar fuq speċi Vulnerabbli li l-kumplament tal-Ewropa qed tagħmel minn kollox biex tipproteġiha. Malta injorat talbiet mill-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea (KE) biex ma tiftaħx staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema.
Għaldaqstant, kif wara kollox kien mistenni, kollox jindika li l-KE se tibda mill-ewwel bl-iskrutinju tad-deroga għax dan huwa l-uniku rimedju biex tkun evitata ripetizzjoni ta’ dan kollu s-sena d-dieħla.
//= $special ?>