Lokali

L-MUMN urtata ferm lejn il-Gvern minħabba wegħdiet li baqgħu fuq l-ixkaffa

Il-wiegħda ta’ sptarijiet state of the art taħt it-tmexxija ta’ Stewart.

Il-wiegħda ta’ pilloli b’xejn għall-anzjani kollha.

Il-wiegħda ta’ sptar ġdid minflok Monte Carmeli.

Wiegħda wara l-oħra… li kollha kemm huma kienu fil-manifesti tal-Labour… iżda wara disa’ snin sħaħ, dawn baqgħu fuq l-ixkaffa.

“Mhux dan l-aħħar budget tal-2022, anke ta’ qabel, wegħdiet li ma twetqux,” qal il-President tal-MUMN, Paul Pace. “Biex ma nsemmux ukoll fil-manifesti għal-leadership tal-Labour bejn Fearne u Abela li wkoll ma twetqux.”

Kienet din ir-reazzjoni tal-membri tal-MUMN li b’rabja kbira ma jistgħux jemmnu li l-Labour wiegħdhom ħafna affarijiet, iżda jew m’għamel xejn dwarhom, jew għamel l-oppost… b’mod speċjali fejn jidhlu l-isptarijiet ta’ Stewart Healthcare.

“Din ta’ Stewart, daqs kemm l-MUMN kienet favur tagħha seba’ snin ilu,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea. “Għaliex kienu tendlulna l-karrotta li se jibqa’ kollox kif inhu b’bini se jiġi state of the art. Il-membri tagħna ħasbu li se jibqgħu kif kienu iżda jaħdmu f’kundizzjonijiet aħjar. Illum waqgħet il-maskra. Daqs kemm dak iż-żmien konna favurihom, illum kontrihom.”

F’laqgħa ma’ tliet kelliema tal-PN għas-saħħa u x-xogħol, Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Ivan Castillo, issemmiet ukoll il-wiegħda ta’ medicina b’xejn għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena – wiegħda oħra li wkoll baqgħet fuq l-ixkaffa.

“Hemm ħafna kundizzjonijiet li numru kbir ta’ nies qed jixtru l-pilloli minkejja li l-Gvern kien wiegħed li din tiġi indirizzata,” qal Pace.

Issemma wkoll kif pajjiżna spiċċa bħal tallab għad-donazzjonijiet ta’ maratoni ġbir ta’ fondi ma jaqtgħu xejn.

“Fondi tal-Community Chestfund li sippost l-għan ewlieni tagħhom imorru għal min verament għandu bżonn,” qal Pace. “Dawn il-fondi spiċċaw jissuplixxu mal-budget tas-saħħa, bħallikieku miljuni sħaħ li spiċċaw parti minn dan, mhuwiex ġust. Mhux qed ngħid li dawn il-fondi mhumiex ġusti, iżda dawn għandhom jingħataw lil dawk li waqgħu lura u mhux lil dawk il-mijiet li l-Gvern mhux jgħinhom.”

L-MUMN saħqet li l-Gvern għandu jibda jieħu azzjonijiet biex pajjiżna jkollu l-aqwa servizz tas-saħħa, fosthom il-wiegħda ta’ outpatients ġdid, filwaqt li jattira infermiera ġodda u ħafna oħrajn li ħarġu mill-professjoni jew marru jaħdmu barra minn pajjiżna.