Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni se tippreżenta proposti għal bidliet fir-regoli tal-parlament

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tippreżenta formalment numru ta’ proposti għal bidliet fir-regoli tal-parlament.

Dan tħabbar fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentri għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llum fil-parlament.

Il-kumitat kien presedut mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, għall-Gvern attendew id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru Byron Camilleri u l-Whip Laburista Andy Ellul waqt li l-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar u l-Viċi-Kap tal-PN David Agius rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din il-ġimgħa se jkun hemm tlieta jew erba’ seduti mħollija għar-replika għad-diskors tal-President tar-Repubblika fil-ftuħ tal-parlament waqt li għada se jsir id-diskors tal-President Ukren Zelensky lill-parlament Malti. Il-Gvern se jressaq għad-diskussjoni l-ewwel qari tal-liġi għall-prokreazzjoni assistita (IVF).

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li l-Gvern se jippubblika wkoll erba’ liġijiet għad-diskussjoni.

Dwar l-indirizz mill-President Ukren Zelenksy lill-parlament Malti li se jsir it-Tlieta 10 ta’ Mejju 2022, l-Ispeaker qal li fis-seduta hu se jagħmel messaġġ introduttorju u se jsiru wkoll interventi mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni tixtieq diskussjoni dwar diversi proposti li ressqet aktar kmieni f’konferenza tal-aħbarijie dwar ir-regoli tal-parlament. L-Oppożizzjoni qed tappella li jitwaqqaf kumitat biex janalizza dawn il-bidliet fl-ordnijiet tal-Kamra.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne appella lill-Oppożizzjoni biex tgħaddi l-proposti lill-Gvern u qal li l-Gvern se jikkunsidra jekk jitwaqqafx kumitat inkella ssirx diskussjoni fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra. Hu qal li jrid ikun ikkunsidrat li l-Gvern għandu maġġoranza qawwija biex iwettaq il-programm tiegħu.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni se tikteb il-proposti formali lill-Gvern.

Il-Ministru Camilleri qal li jaqbel li l-ordnijiet tal-Kamra jistgħu jinbidu biex jirriflettu iktar parlament modern.