Lokali

Maher Aljasem jinżamm arrestat akkużat bil-qtil ta’ Najem

Aljasem qed ikun akkużat li qatel lil Najem permezz ta' daqqiet ta' sikkina f'qalb il-vittma

It-Tnejn filgħaxija, għall-ħabta tas-7.30, il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Maher Aljasem akkużat li qatel liż-żagħżugħ ta’ 25 sena, Fawaz Najem is-Sibt filgħaxija f’Għawdex.

Alajsem deher quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana fil-Qorti t’Għawdex akkużat li qatel lil vittma permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’qalbu u li fera feriti ħfief bl-istess sikkina lil persuna, fost akkużi oħra. Wara tlett kwarti fl-awla, hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat ordnat li jinżamm arrestat.

Intant, jidher li kollox beda s-Sibt filgħodu bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani f’bar qrib il-bajja ta’ Marsalforn…fejn spikka ġlied ma jaqta’ xejn, tant li l-persuni involuti spiċċaw iwaddbu l-kafè lil xulxin, waqt li ġew fl-idejn.

Jidher li dan il-ġlied wassal biex xi persuni sofrew ġrieħi ħfief…ghalkemm l-argumenti baqgħu għaddejjin sa filgħaxija.

Fil-fatt….skont sorsi li kienu fil-post…. Net News jista’ jikkonferma li l-ġlied kompla jisħon iktar minn qatt qabel. U kien propju f’appartament f’Marsalforn stess fejn kollox eskala… b’dawk involuti użaw dak kollu li sabu madwarhom bħala arma, fosthom injam, siġġijiet u skieken.

Is-sorsi taghna qalulna li Najem prova jikkalma s-sitwazzjoni, iżda minflok spiċċa qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina. Minnufih … tlieta minn sħabu ħaduh malajr l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, għalkemm Najem kien diġa’ mitluf minn sensih.

Sfortunatament, minkejja l-isforzi ta’ tim mediku fl-Isptar, is-Sirjan miet ftit tal-ħin wara.

Iktar tard, fl-istess Sptar iddaħħlu tliet irġiel oħra kawża ta’ ġrieħi li ġarbu fl-istess ġlieda.

Meta wasslu fil-post, ftit wara d-disgħa ta’ filgħaxija, il-Pulizija sabu sinjali ta’ dmija kemm fuq ġewwa u anke fuq barra tal-appartament, li jinsab fi Triq il-Wied.