Lokali

Man-nofs miljun passiġġier f’xahar wieħed

April li għadda ġab miegħu jiem aktar impenjattivi għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif għaddew mit-terminal ta’ pajjizna aktar minn 513,000 passiġġier.

Dan it-total ifisser irkupru ta’ 78.7% tal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija, jiġifieri l-ogħla rata ta’ rkupru li rreġistra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s’issa.

Matul l-aktar ġimgħa impenjattiva tax-xahar li għadda, li ħabtet bejn it-18 u l-24 ta’ April, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 133,267 passiġġier… liema total huwa bejn wieħed u ieħor kumparabbli mat-traffiku li tal-ajruport fl-ewwel xahar tas-sena.

L-aqwa swieq baqgħu l-istess kif kienu f’Marzu, bl-Italja fil-quċċata tal-lista, b’114,700 passiġġier. Wara, jiġu s-swieq tar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.

Minkejja li dan ix-xahar jawgura tajjeb għat-turiżmu f’pajjiżna, data li ġiet ippubblikata reċentement għall-ewwel kwart tas-sena turi li Malta kompliet tirkupra aktar bil-mod mill-kompetituri Mediterranji tagħha.

Intant, qed ikun imbassar li l-ajruport ta’ pajjiżna se jkun qed jilqa’ 1.8 miljun turist sal-aħħar ta’ din is-sena… ammont simili għal dak li rajna lura fl-2015.