Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech sostna fil-parlament llum li l-Oppożizzjoni se tkun iebsa fuq sitwazzjonijiet li temmen li mhumiex ta’ ġid għas-soċjetà Maltija iżda se qed toffri l-id tal-kooperazzjoni biex il-pajjiż ikollu l-aħjar soluzzjonijiet.
Meta kien qed jitkellem fil-parlament fl-ewwel seduta ta’ din il-leġiżlatura, Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni tħares ‘l quddiem li taqdi dmirha skont il-Kostituzzjoni fl-aħjar ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u tal-ġid komuni. Nixtiequ li din l-istituzjoni, illum bl-akbar ammont ta’ deputati li qatt kellha tkun verament tirrifletti dak li jrid il-poplu.
Se nkunu qed inżommu l-gvern kontabbli, se nkunu qed nikkritikaw fejn hemm bżonn, se nkunu qed naqblu fuq liġijiet li jkunu se jħallu impatt pożittiv u se nkunu qed inżommu pożizzjoni iebsa fuq sitwazzjonijiet li aħna nkunu nemmnu li mhumiex ta’ ġid għas-soċjetá tagħna, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li qal li fl-aħħar perjodu l-PN qabel ma’ tmien nomini minn 11-li ppropona l-Prim Ministru. Fadal tliet ħatriet li tnejn minnhom l-gvern diġà mela u għalhekk fadal bis sil-ħatra tal–Ombudsman li dwaru għandu jkun hemm qbil.
Hu kompla li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq liġijiet u toffri l-id tal-koperazzjoni biex dan il-pajjiż kollu l-aħjar soluzzjonijiet.
Bernard Grech sostna li x-xewqa tal-PN hi li l-Kamra tara qabża ‘l quddiem f’dik li hi ħidma. Fil-House Business Committee aktar kmieni tressqu numru ta’ proposti li l-PN jixtieq jara li jiġu mplimentati.
Irridu naraw li jkun hawn aktar spazju biex jiġu diskussi Private Members’ Bills u għalhekk tinbidel il-mozzjoni ta’ proċedura u l-istanding orders biex jonqos iż-żmien ta’ stennija għad-diskussjoni, sostna Bernard Grech.
Din għandha tiddaħħal malajr kemm jista’ jkun seduta fil-ġimgħa li fiha l-Prim Ministru jkun jista’ jwieġeb mistoqsijiet direttament hu, f’dak li hu magħruf bħala Prime Minister Questions Time; xi ħaġa simili għal dak li jseħħ fil-House of Commons fl-Ingilterra.
Anke fejn jidħlu mistoqsijiet Parlamentari rridu nkunu ċerti li l-Ministri jwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom, kif mitlub u kif inhu dmir tagħhom skont il-kontabbiltà. Ma jistax ikollna mistoqsijiet li jkun hemm ministri li jaħarbu milli jwieġbuhom.
Nisħqu li l-ministri jagħtu priorià lit-tweġibiet u jkunu preżenti meta jkunu jafu li hemm mistoqsijiet għalihom u mhux ikunu assenti b’mod intenzjonat biex ikunu jistgħu iwieġbu mistoqsijiet diretti għalihom.
Għandu jkun hemm rispett lejn din l-istituzzjoni, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li rridu nkunu ċerti li l-kumitati verament qed jaqdu l-iskop li huma mwaqqfin għalih.
Il-PN qed jipproponi li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari għall-Ġustizzja, presedut mill-Oppożizzjoni u b’maġġoranza tal-Gvern, biex jagħmel skrutinju kontinwu tas-sistema tal-ġustizzja fil-pajjiż.
Bħalissa hemm żewġ karigi importanti li qed jistennew nomina ta’ persuna biex jimlew il-post. Dawn huma l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Filwaqt li sellem lil George Hyzler, ex Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubbika, il-Kap tal-PN appella lill-Prim Ministru biex jinstab kompromess biex dawn l-istituzzjonijiet jadmu kif suppost.
Irridu wkoll Parlament li jaħseb ukoll fil-ħtiġijiet tal-familja, fost oħrajn permezz ta’ Child Care Centre, sostna l-Kap tal-PN, li appella lill-Prim Ministru biex jiddjaloga għaliex jinsab ċert li b’sens ta’ rieda tajba jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet u l-aħjar nies biex imexxu dawn iż-żewġ karigi importanti.
Dwar id-diskors li għamel is-Sibt li għadda l-President tar-Repubblika, il-Kap tal-PN qal li jirrikonoxxi li l-Gvern għandu mandat li ngħatalu mill-poplu biex jimplimenta l-programm elettorali tiegħu. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha snin twal titkellem fuq ħafna minn dawn it-temi u għalhekk ikun tajjeb li minn fuq il-karta, il-proposti tal-Gvern jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.
Waħda mill-prioritajiet li semma’ l-Gvern kienet l-ambjent; bla dubju din hi priorità għall-PN wkoll, għall- poplu Malti u Għawdxi kollu. L-ambjent jinsab fil-qalba tal-kwalità tal-ħajja tagħna. Fuq il-kwalità tal-arja, tal-ilma, tal-ħamrija u tal-baħar tiddependi ħajjitna u s-saħħa tagħna.
Neħtieġu pjan fit-tul, bl-istess miri tal-Kummissjoni Ewropea fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex l-attività tal-bniedem fil-forom kollha tagħha tħalli l-inqas impatt u impronta possibbli fuq l-ambjent tagħna.
Madankollu, biex ikollna pjan tassew sostenibbli jeħtiġilna mingħajr dewmien insibu bilanċ ġust fil-mod kif nużaw ir-riżorsi ħalli l-intervent uman ma jdgħajjifx jew ma jirrovinax il-kwalità tar-riżorsi naturali, kemm għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u anki ta’ għada.
Kull ċittadin jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu: il-bidla l-kbira tibda bil-bidliet iż-żgħar ta’ kull wieħed u waħda minna, sostna Bernard Grech.
Hu kompla li iżda mbagħad neħtieġu gvern li jfassal u jwettaq politika li tiżgura li l-bidla li jagħmel kull ċittadin tissarraf f’kisbiet kbar għall-pajjiż kollu.
Irridu nilħqu l-miri ambizzjużi li fasslet il-Kummissjoni Ewropea sal-2030 u sal-2050 u rridu li fl-ambjent nisfruttaw iċ-ċokon tagħna biex inkunu fost l-aktar stati membri ppreparati, attrezzati u adattati għat-tibdil fil-klima, għall-ekonomija ċirkolari, għall-ekonomija newtrali mill-karbonju u l-bqija.
Irridu politika favur il-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna, billi qabel xejn nagħrfu l-ħtieġa li nipproteġu l-ispazji miftuħa u l-ambjent rurali tagħna, bħala l-pulmun tal-pajjiż.
Dwar il-kwalitá ta’ ħajja aħjar, Bernard Grech qal li rridu npoġġu l-kwalità tal-ħajja u l-mod ta’ kif ngħixuha fiċ-ċentru tal-politika; mill-ispazji pubbliċi għall-mod kif nibbilanċjaw ix-xogħol, il-familja u l-attivitajiet li jżommuna sani u b’saħħitna.
Hu tkellem dwar l-għoli tal-ħajja u qal li l-isfidi li qed idawruna bħalissa qed iwasslu biex il-familji tagħna qed iħossu l-effetti tagħhom. Hemm gwerra tal-Ukrajna u l-effetti li ħalliet warajha l-pandemija. Dan qed iwassal għall-problema serja tal-għoli tal-ħajja. Hemm ukoll l-studju tal-Caritas li jistabilixxi li xirja ta’ prodotti bażiċi tal-ikel għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet b’€100 fix-xahar meta mqabbel ma’ sentejn ilu u dan meta ma kienx għad hemm il-gwerra fl-Ukrajna.
Din hi problema reali; problema li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi u li qed titfa’ pressjoni fuq il-familji tagħna. Irridu nagħmlu ħilitna biex inwieżnu lill-ħaddiema biex inżommu bilanċ effettiv bejn ix-xogħol u l-familja. Bl-istatistika biss ma nieklux; in-nies trid is-soluzzjonijiet.
Bernard Grech tratta l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u qal li imkien ma ssib tixtri ħajja aħjar. Il-kwalità tal-għajxien ma tiddependix biss mill-impjieg li għandek jew mill-paga li taqla’ iżda tiddependi wkoll mill-opportunità li jkollok biex tgawdi s-sabiħ ta’ madwarek u mill-għażla ħielsa li jkollok biex tilħaq il-prioritajiet tiegħek. Ħajja tajba tinkludi li tkun tista’ tqatta’ l-ħin mal-familja u l-ħbieb tiegħek; li taqsam il-mumenti sempliċi u speċjali mal-għeżież tiegħek. Hawn min ma jistax jagħmel dan minħabba li li jrid jagħmel xogħol wara l-ieħor.
Tfisser li x-xogħol jagħtik sodisfazzjon u mhux toqol li ma tistax taħrab minnu u tfisser li bid-dħul tiegħek taffordja tiflaħ tixtri akkomodazzjoni bi spazju diċenti għalik u għall-familja tiegħek. Fuq kollox, għajxien tassew tajjeb ifisser bilanċ san bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata tiegħek f’ambjent b’saħħtu.
Ħadd m’għandu kontroll sħiħ ta’ x’jiġri f’ħajtu, iżda politika mfassla bil-għaqal tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd għaliex ilkoll għandna responsabbiltà lejn xulxin.
Għaldaqstant irridu nimmiraw il-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll policies li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-familja, biex il-ħaddiema jingħataw aktar drittijiet u biex il-koppji jkunu jistgħu jlaħħqu max-xogħol, mal-familja, kif ukoll mad-dar. Dan mhux faċli fiċ-ċirkostanzi attwali fejn il-familji jippruvaw isibu l-bilanċ bejn li jaqilgħu biżżejjed flus għall-għixien tal-familja u li jrabbu t-tfal tagħhom.
Id-direttiva dwar il-Work Life Balance, xprunata mill-MEP David Casa, il-Gvern fl-aħħar snin injoraha kompletament u nafu li sa Awwissu għandha tiddaħħal fis-seħħ. Nappellaw mill-ġdid lill-Gvern biex mill-paroli jgħaddi għall-fatti, sostna l-Kap tal-PN.
Dwar l-IVF hu qal li dan hu suġġett għal qalbu ħafna; smajt u niltaqa’ ma koppji li jirrakkontaw stejjer ta’ qsim il-qalb, oħrajn stejjer sbieħ ta’ esperjenzi li waslu biex kibret il-familja tagħhom. F’dan ir-rigward iżda nixtieq niġbed l-attenzjoni u nsaqsi lill-Gvern… jekk kienx biss wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea li waslitu biex iħabbar riforma f’dan is-settur.
Ma’ dawn in-nies ma għandniex inkunu reattivi… dawn in-nies għandhom id-dritt li jkollhom l-aqwa trattament. Aħna għandna l-obbligu li ngħinuhom bis-serjetà u mhux fuq il-karta, sostna l-Kap tal-PN.
Bernard Grech qal li f’dan il-Parlament jekk fostna jirnexxilna niżguraw kultura ta’ integrità minflok kultura ta’ impunità, ikollna Stat li jittratta lil kull persuna b’mod ġust u ekwu. Illum ukoll f’Jum l-Ewropa, irridu napprezzaw aktar dak li ħdimna għalih… f’ċirkostanzi ta’ paċi mhedda…ċirkostanzi li ma nistgħux inħalluhom li jwassluna biex l-istorja tirrepeti ruħha.
Kull persuna hija detentur ta’ drittijiet fil-konfront tal-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-pajjiż u għaldaqstant dawn tal-aħħar obbligati jaraw li d-drittijiet ta’ dik il-persuna jkunu rikonoxxuti u implimentati b’rispett, dinjità u mingħajr diskriminazzjoni.
Hekk biss inkunu denji li jsejħulna rappreżentanti tal-poplu, sostna l-Kap tal-PN.

