Ilbieraħ 8 ta’ Mejju, 2022, Baden Powell Scouts Malta, organizzat il-parata annwali ta’ Jum San Ġorġ wara assenza ta’ sentejn minħabba l-COVID 19. Quddiesa ta’ Ringrazzjament ġiet iċċelebrata minn Patri Anton Briffa Cap, fil-Knisja Parrokkjali tal-Furjana. Mistednin, ġenituri, u rappreżentanti tas-seba’ gruppi tal-iscouts attivi u rapprezentanti ta’ żewġ Gruppi tal-iScouts mill-Italja, ingħaqdu malkongregazzjoni.
Il-President ta’ Malta, George Vella u s-Sinjura Vella, flimkien maċ-Chief Scout, is-Sinjura Natalie Fsadni u l-Kummissarji Scout, irċevew is-salut tradizzjonali tal-iscout fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. Wara l-marc past, iċ-Chief Scout introduċa lill-President ta’ Malta, George Vella, il-Kummissjonijiet kollha tal-iScouts tal-Federazzjoni u żewġ Mexxejja tal-iScouts Taljani, is-Sur Eric Boesso, Rover Scout Leader minn Assiscout Abano 1 u s-Sur Andrea Sulpasso, President talAssociazione Scout San Giorgio, Trieste.
Il-Banda ta’ Żebbuġ Baden Powell Scouts, mexxiet il-parata, billi ndaqqu l-melodiji tradizzjonali għal okkażjoni daqshekk importanti, matul it-triq kollha minn fuq il-Fosos tal-Furjana, lejn Triq irRepubblika fil-Belt Valletta u lura sa’ kemm sar id dispersal, ħdejn il-bini tal-Parlament.
Ħafna turisti laqgħu tajjeb ħafna l-parata u ħadu ritratti u kien hemm ċapċip ta’ apprezzament, kull tant ħin, filwaqt li ammiraw l-iscouts u l-membri iżgħar jimmarċjaw bil-għaqal fil-Belt Valletta.
Il-Federazzjoni Scout, Baden Powell Scout Malta, ilha torganizza l-Parata tradizzjonali ta’ Jum San Ġorġ sa mit-twaqqif tagħha fl-2011, u hija avveniment annwali importanti għaliex il-Fundatur tal-iScouting, Lord Robert Baden Powell, għażel lil San Ġorġ bħala l-Qaddis Patrun u Protettur tal-iScouts kollha, filwaqt li l-iScouts kollha mistennija jagħmlu minn kollox biex jadottaw il-kwalitajiet u l-valuri tajbin li kellu l-qaddis.
//= $special ?>