Siġġiewi Futsal rebħu l-Enemed Challenger League meta fil-finali li ntlagħbet is-Sibt li għadda fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport huma għelbu lil St George’s 3-2.
Kienet logħba ferm sabiħa u bilanċjata li offriet spettaklu lil dawk kollha preżenti u li kienet inċerta sal-aħħar. Għat-tim immexxi minn Paul Bugeja dan hu sodisfazzjon kbir minħabba li t-tim jinsab fl-ewwel esperjenza tiegħu fil-futsal lokali.
Siġġiewi dejjem kienu fil-vantaġġ iżda l-Bormliżi dejjem irritaljaw għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu tal-ewwel li ħarġu rebbieħa.
Justin Theuma kien awtur ta’ doppjetta għas-Siġġiwin b’Wallace Oliveira jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Tiago Rodriguez u Luiz Lopez skorjaw il-gowls għal St George’s.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Siġġiewi Futsal Brandon Debono.
//= $special ?>