Lokali

Special Olympics Malta jeħtieġ li tingħata aktar importanza – il-PN

Waqt laqgħa mal-President ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja, il-Kelliem għall-Isports u x-Xandir Pubbliku Graham Bencini u l-Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea saħqu fuq l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jappoġġja din l-organizazzjoni li tant hija importanti għas-soċjetà tagħna.

Iż-żewġ Membri Parlamentari żguraw li wieħed mill-ewwel impenji uffiċjali tagħhom tkun laqgħa ma’ Special Olympics Malta, ftit jiem qabel l-ewwel Special Olympics Invitational Games li qatt ser isiru f’Malta, dawn bejn it-13 u t-18 ta’ Mejju, 2022.

Il-ħidma li twettaq Special Olympics Malta trid tingħata aktar importanza speċjalment peress li l-ħidma tagħhom tmur lil hinn mill-isports. Għandu jkun hemm ukoll iktar għarfien dwar is-servizzi li jiġu offruti, mhux biss f’dawn il-jiem imma matul is-sena kollha.

Minbarra l-programmi ta’ taħriġ sportiv tagħhom għal tfal u adulti b’diżabilità intellettwali, huma jiffokaw ukoll fuq programmi tal-Familja li huma maħluqa biex jgħaqqdu l-familji biex ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u għalhekk joffru l-appoġġ lill-atleti tagħhom, kif ukoll Healthy Athletes Screening, fejn professjonisti mediċi jiskrinjaw lil dawn l-atleti minn 3 snin ‘il fuq, biex jindirizzaw kwalunkwe kundizzjoni sottostanti kemm jista’ jkun kmieni, li inkella tista ‘tgħaddi inosservata. Hawnhekk jispikka is-sens ta’ volontarjat li bih jopera dan is-servizz.

Filwaqt li napprezzaw li l-loġistika f’pajjiżna hija limitata, huwa essenzjali li Special Olympics Malta jingħataw bini akbar minn fejn tkun tista’ topera. Barra minn hekk għandhom jingħataw iktar riżorsi sabiex il-waiting list li bħalissa hemm titnaqqas b’mod drastiku mingħajr iktar dewmien.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi u jappoġġa lill-atleti tagħna kollha waqt l-ewwel Special Olympics Invitational Games li ġejjin li żgur ser iservu bħala l-opportunità perfetta biex ningħaqdu bħala nazzjon wieħed wara l-Bandiera Maltija. Il-Partit Nazzjonalista jawgura kull suċċess lill-atleti kollha li ser ikunu qiegħdin jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.