Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jerġa’ jikkunsidra l-proposti tal-PN dwar il-governanza

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut appella lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-proposti tal-PN dwar il-governanza.

Fil-parlament Mark Anthony Sammut qal li l-parlament hu l-post fejn ikunu difiżi d-drittijiet tal-bniedem u espriema solidarjetà mal-poplu Ukren. Xejn mhu garantit, sostnta Mark Anthony Sammut, li kompla li kien hemm diversi eżempji ta’ politiċi li mxew ħażin tant li ħafna nies qed iħarsu lejn il-politika b’mod negattiv.

Dan qed iwassal biex iktar nies ma jivvotawx; jeħtieġ li l-politiċi jbdew isewwu dan l-isem ħażin. Hu qal li d-deputati jissejħu onorevoli jekk dawn joħorġu integri fi tmiem il-karriera politika tagħhom.

Hekk ikun rispettat il-parlament bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista, li semma’ l-proposti tal-Oppożizzjoni għat-tisħiħ tal-kontabbiltà fil-parlament.

Hu staqsa jekk il-Prim Ministru hux se jaċċetta li jwieġeb il-mistoqsijiet fil-parlament. Il-pajjiż għandu ħafna sfidi ambjentali, fix-xogħol prekarja, fil-kuntratti fis-saħħa u l-enerġija tberbieq u sparpaljar ta’ flus f’ħafna oqsma.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-kultura tal-impunità u l-korruzzjoni u qal li l-gvern irid jiġġieled il-kawża primarja u għandu jikkunsidra l-abbozzi ta’ liġijiet li ressqet l-Oppożizzjoni dwar il-governanza.

Jeħtieġ li tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-finanzjament tal-partiti, sostna Mark Anthony Sammut, li semma’ kif kumpaniji jingħataw direct orders għaliex jgħinu lill-PL fil-kampanja elettorali.

Hu qal li l-għaqda ma tfissirx li l-partiti jaqblu fuq kollox iżda li jkun hemm qbil bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.