Lokali

Il-Gvern Laburista jqaċċat pazjenti tal-HIV minn fuq il-lista ta’ mediċina b’xejn

Għal disa’ snin sħaħ, Gvern Laburista wiegħed li se jagħti l-aqwa servizz tas-saħħa fid-dinja. Iżda mhux talli mhux jagħmel hekk, talli saħansitra qed iwaqqaf servizzi li kien beda hu stess.

Fil-fatt, riċentament, għal xi raġuni l-Labour ħass li m’għandux jagħti aktar mediċina kontra l-virus HIV… mediċina li tittieħed ftit sigħat wara li wieħed jiltaqa’ mal-virus u tnaqqas ferm ir-riskju li jiġi nfettat.

Dwar din is-sitwazzjoni, NET News tkellem mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri.

“Qegħdin f’sitwazzjoni li Mater Dei m’għadux jagħti lil pazjenti mediċini li jintużaw li jisimhom Post-Exposure Prophylaxis,” qal Stephen Spiteri.

Mediċina li tnaqqas iċ-ċans li ġġorr il-virus u tinfetta aktar nies … minbarra li infermiera u tobba kapaċi jiġu esposti b’mod inċidentali ta’ kuljum.

“Dan qed joħloq kontroversja għaliex ma tistax ma jkollokx dan l-istock meta jiġu persuni bżonn ta’ kura wara li jiġu esposti minn dan il-virus,” qal Stephen Spiteri. “Ma jistawx jieħdu ħsieb ħajjithom u jnaqqsu r-rata ta’ infezzjoni.”

Stephen Spiteri appella biex il-Gvern jieħu azzjoni dwar dan ħalli l-virus ikun ikkontrollat.

“Nisħaq lil Gvern biex kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jirritorna l-mediċina available fl-ispiżeriji tal-Gvern fejn kienet tingħata anke bħala emergency department bħala riċetta u għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jkollu din il-mediċina biex inaqqas dan il-mard infettiv.”