Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-belt ta’ Odessa milquta mill-missili

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fetħu front tal-gwerra ġdida bħala parti mill-invażjoni tal-Ukrajna – bil-port importanti ta’ Odessa jispiċċa milqut minn diversi missili.

Ir-rapporti mill-inħawi qalu, intant, li mietu u ndarbu numru ta’ ċivili li kienu f’ċentru kummerċjali u depot li ntlaqtu direttament mill-missili sparati.

Il-belt tal-port ta’ Odessa għandha importanza kbira minn aspett strateġiku u xejn anqas bħala hub għat-trasport tal-aktar affarijiet essenzjali għall-poplu Ukren.

U waqt li s-sitwazzjoni hemmhekk qed tqanqal tħassib kbir, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, wissa li l-assedju tar-Russi fuq il-portijiet tal-Ukrajna mal-Baħar l-Iswed qiegħed anki jhedded serjament il-provvisti tal-ikel fuq livell globali.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel – li kien kostrett li jfittex il-kenn ( fost l-inżul tal-balal) waqt żjara f’Odessa – sostna li l-provvisti tant meħtieġa għan-nies ‘ma jistgħux jitmexxew minn post għall-ieħor’.

Intant, din mhix l-ewwel darba li r-Russi attakkaw belt tal-Ukrajna f’ħin meta kienet għaddejja żjara minn diplomatiku tal-Punent fl-inħawi.  L-aktar każ prominenti kien seħħ f’April waqt iż-żjara fi Kiev tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Unti. Antonio Guterres, u meta l-kapitali Ukrena ntlqatet minn żewġ missili sparati mill-qawwiet tal-Kremlin.