Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi qegħdin jitilfu dejjem aktar mill-kapaċità militari waqt l-invażjoni

 

Il-konflitt fl-Ukrajna – li issa qabeż sew ix-xahrejn – qed iħalli riżultati diżastrużi għall-Armati tar-Russja li qegħdin jitilfu dejjem aktar truppi u tagħmir militari.

It-telf tal-militar baqa’ konsistenti u ‘allarmanti għall-Kremlin ( ta’ Moska)’ skont l-aħħar analiżi tal-gwerra mill-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit. Dan meta r-Russi għadhom mhumiex japprofittaw daqstant mill-vantaġġi numeriċi – f’termini ta’ suldati, tankijiet u sistemi tal-artillerija – fil-konfront tal-qawwiet Ukreni.

Fl-aħħar jiem kien ikkonfermat ukoll li nqerdu numru fost l-aktar tankijiet tal-gwerra avvanzati – tat-tip T-90M – tar-Russja waqt sensiela ta’ battalji fi bnadi diversi tal-Ukrajna.

Il-Ministeru Britanniku tad-Difiża, issa, qal li ‘ir-Russja se teħtieġ iż-żmien u spiża konsiderevoli biex tibni u tirriforma mill-ġdid lill-qawwiet tagħha ladarba jintemm il-konflitt tal-Ukrajna’.

U l-akbar sfida għar-Russja se tinvolvi l-impenji lejn il-modernizzazzjoni tal-militar minħabba s-sanzjonijiet ‘intensivi’ imposti fuq il-Kremlin ta’ Moska. Sanzjonijiet li fost oħrajn qegħdin iwaqqfu l-aċċess ( tar-Russi) għall-microelectronics essenzjali fl-iżvilupp tat-tagħmir tal-gwerra.

It-tankijiet tal-gwerra T-90M qegħdin jintużaw mit- taqsimiet militari Russi li huma mgħammrin bl-aktar armamenti state-of-the-art għall-gwerra tal-Ukrajna. Iżda dan it-tank partikulari huwa vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ gwerra fejn ma jingħatax l-appoġġ dovut minn elementi oħrajn tal-Armata Russa.