Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Konferma akbar tal-abbużi tad-drittijiet taċ-ċivili taħt idejn ir-Russi

Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa b’responsabbiltà għall-ħarsien tad-Drittijiet Umani  hi l-aħħar uffiċjal li rreferiet għall-‘abbużi sorprendenti tad-drittijiet tal-Ukreni u tal-liġi umanitarja internazzjonali’ mill-qawwiet Russi fl-Ukrajna.

Dunja Mijatovic qalet li l-gravità tal-abbużi fl-artijiet Ukreni hi ‘l-agħar li rajna fl-Ewropa miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra (Dinjija)’. Hi ikkummentat b’dan il-mod wara li temmet żjara fi Kiev  u fir-reġjuni madwar il-kapitali tal-Ukrajna.

Mijatovic, fl-istess ħin, enfasizzat il-provi ‘li qed jiżdiedu’ tal-qtil u tortura ta’ ċivili – minbarra l-għajbien sfurzat tal-Ukreni u l-vjolenza sesswali li t-truppi ta’ Vladimir Putin qegħdin iwettqu fuq in-nisa u t-tfajliet li jsibu fl-ibliet li qegħdin jokkupaw.

Il-Kummissarju sostniet li huwa ‘kruċjali li ssir il-ġustizzja għal dawn ir-reati’ u li l-komunità internazzjonali tagħmel li tista’ biex tappoġġja lill-vittmi Ukreni kif ukoll lil qrabathom. Madankollu, hi ammettiet ukoll li impenn bħal dan hu ‘ferm aktar diffiċli milli wieħed jista’ jaħseb’.