Lokali

Illum se jipparteċipaw 17-il pajjiż fl-ewwel semi finali tal-ESC

Illum se tkun qed tittella’ l-ewwel Semi Finali tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena li se jsir ġewwa Turin.

Kemm l-ewwel u t-tieni Semi Finali u anke l-Finali nnifsu se jkunu qegħdin jittellgħu fid-9 ta’ bil-lejl.

Għall-ewwel semi finali se jkunu qed jipparteċipaw 17-il pajjiż, filwaqt li żewġ pajjiżi li diġa’ għamluha għall-Finali, Franza u l-Italja, se jkunu jistgħu wkoll jivvutaw.

Imbagħad, il-Ħamis Malta se tkun qed tipparteċipa fis-sitt post fit-tieni Semi Finali permezz tal-kanzunetta I Am What I Am tal-kantanta Emma Muscat bl-għan li pajjiżna jagħmilha sal-Finali tal-konkors. Malta se tkun fost 18-il pajjiż li se jieħdu sehem f’din is-semi finali.

Fil-Finali mistennija jkun hemm 25 pajjiż li jitħabbru fi tmiem kull semi finali… iżda li hu żgur li nhar is-Sibt se nkunu qegħdin naraw lill-ħames pajjiżi meqjusin bħala l-Big Five, li huma Franza, il-Ġermanja, Spanja, ir-Renju Unit, u l-Italja.

L-Italja kklassifikaw f’din is-sezzjoni hekk kif is-sena l-oħra rebħu l-65 edizzjoni tal-Eurovision permezz tal-kanzunetta Zitti E Buoni ta’ Maneskin.

Intant, il-Ħadd sar il-ftuħ uffiċjali tas-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest f’Reggio di Venaria f’Turin fejn kien hemm l-40 pajjiż parteċipant, fost Malta.