Lokali Parlament

In-newtralità ma tfissirx li Malta tagħlaq għajnejha quddiem it-tbatija tal-poplu Ukren

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li n-newtralità ta’ Malta ma tfissirx li Malta għandha tagħlaq għajnejha quddiem it-tbatija tal-poplu Ukren.

Fil-parlament Beppe Fenech Adami tkellem dwar ix-xogħol tal-korpi dixxiplinati u sellem l-impenn ta’ dawn il-korpi. Hu tkellem dwar il-gwerra tal-Ukrajina u qal li r-Russja qed tikser il-liġi internazzjonali u qed tgħaffeġ id-drittijiet fundamentali bniedem.

Din hi gwerra li qed tħalli vittmi li tilfu kollox; il-PN jappoġġja l-komunità internazzjonali biex il-poplu Ukren ikun mgħejjun. Il-PN jappoġġa s-sanzjonijiet imposti fuq min hemm wara din il-gwerra u jappoġġa kull mezz biex din il-gwerra titwaqqaf.

Hu qal li l-PN jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropew għandhom jiffaċilitaw biex l-Ukrajina tkun kunsidrata pajjiż applikant għal sħubija fl-UE biex b’hekk jintbagħat messaġġ li dan il-poplu mhux se jkun abbandunat.

Beppe Fenech Adami kompla li minkejja n-newtralità, quddiem din il-gwerra din in-newtralità m’għandhiex tinftiehem li Malta tista’ tagħlaq għajnejha quddiem it-tbatija tal-poplu Ukren.

Malta ma tistax tibgħat messaġġ li qed tkun fuq in-naħa tal-aggressur, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li Malta se tkun iffaċċjata b’deċiżjonijiet diffiċli li se jiddifenixxuna f’mumenti bħal dawn.

Jidher li din hi gwerra li se titwal, bl-agħar effettii jinħassu iktar qrib. Hu appella lill-Gvern li jifhem u jirreaġixxi quddiem l-effetti ekonomiċi li jista’ jkollha din il-gwerra u jindirizza l-effetti tal-goli tal-ħajja.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN hu mpnejat li jagħmel il-parti tiegħu fl-interess nazzjonali. Hu sellem lill-membri tal-korp diplomatiku għall-ħidma tagħhom.