Lokali Saħħa

“In-nuqqas ta’ infermieri qed iħalli impatt fuq is-settur tas-saħħa” – MUMN

Pajjiżna llum il-ġurnata għandu madwar 600 infermier nieqes… ċifra li qed twassal biex is-settur tas-saħħa f’Malta ma jaffordjax jinvesti f’servizzi ġodda minħabba li m’hawnx infermiera biżżejjed… problema li l-Ministru tas-Saħħa qatt ma indirizzaha.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiċini tal-MUMN f’Ħal Qormi, il-President tal-Union tal-Inermiera u l-Qwiebel Paul Pace enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm iktar investiment f’din il-professsjoni minħabba li numru ta’ infermieri qed jitilqu għax iħossu li mhumiex imħallsa biżżejjed filwaqt li m’hemmx biżżejjed rispett għax-xogħol tagħhom. 

L-iktar tliet punti importanti li l-MUMN qed tisħaq fuqhom hija l-importanti li jkunu msaħħa l-kundizzjonijet tax-xogħol tal-infermieri u l-qwiebel sabiex dawn jibqgħu jippratikaw il-professjoni tagħhom, aktar żgħażagħ ikunu mħajra sabiex jidħlu għall-kors tan-nursing kif ukoll ikun hemm sett ta’ proposti attraenti sabiex dawk l-infermieri li telqu min dan l-impjieg, jerġgħu jiġu lura.  

Paul Pace qal li numru ta’ infermieri qed ikomplu bl-istudji tagħhom għall-professjoni ta’ tabib kif ukoll professjonijiet oħra. Apparti dan ammont minnhom imorru jaħdmu barra minn Malta peress li l-infermier Malti  huwa l-uniku fl-Ewropa li jitkellem tajjeb ħafna bl-Ingliz. Konsegwenza ta’ dan kollu, pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni fejn ma jistax jinfetaħ servizz ġdid fis-settur tas-saħħa għax m’hawnx bizzejjed infermieri.

Paul Pace żied jgħid li hemm makkinarju li ma jistax jitħaddem għax mhemmx nurses biżżejjed. Dan apparti lista sħiħa ta’ servizzi li ma jistgħux isiru.

Il-President tal-MUMN fakkar kif qed ikun hemm ċirkostanzi fejn l-infermieri qed jispiċċaw jeħlu kollox huma. Kien hawn fejn għamel aċċenn fuq il-problema relatata mal-constant watches – trattament li jordna t-tabib fejn pazjent jkollu bżonn assistenza l-ħin kollu. Iżda l-Isptarjiet spiċċaw f’sitwazzjoni fejn dan huwa impossibbli li jsir minħabba li mhemmx infermieri biżżejjed biex jagħmlu dan ix-xogħol.

Paul Pace fakkar fil-każ tal-infermier fl-Isptar Monte Carmeli Joe Pace li qed jaffaċċja akkużi kriminali – akkuzi li jafu jwasslu għal sentenza ta’ priġunerija. L-MUMN qed tappella lill-Gvern sabiex jinvesti iktar fl-infermieri u l-qwiebel filwaqt li jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun salvagwardjata din il-professjoni.