Internazzjonali

Ingilterra: Il-Prinċep Charles jaqra il-‘Queen’s Speech’ għall-ewwel darba fil-Parlament

Il-Prinċep Charles – għall-ewwel darba fl-istorja – qara l-Queen’s Speech fil-Parlament ta’ Londra, fejn, fost oħrajn, elenka l-aġenda tal-Gvern Britanniku għas-sena li jmiss. F’dan il-każ Charles kien qed jirrappreżenta lir-Reġina Eliżabetta li — għall-ewwel darba fi kważi sittin sena – ma setgħetx tkun preżenti għall-okkażjoni minħabba ‘problemi ta’ mobbilità’.

Waqt id-diskors, il-Prinċep Charles qal li l-Gvern Britanniku se jagħti priorità lill-impenji lejn it-tisħiħ tal-ekonomija u inizjattivi li jgħinu  biex itaffu l-għoli tal-ħajja għall-familji fir-Renju Unit. Dan meta l-Gvern jeħtieġ jikkontrolla l-inflazzjoni li tinsab f’livelli għoljin u meta ħafna familji mhumiex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum.

B’hekk, il-Queen’s Speech ipprovda l-bażi tal-politika mhux biss għal ġranet u xhur iżda anki għas-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, il-kuntest huwa ċar u għandu jindirizza l-piż tal-ħajja għaċ-ċittadini foqra u tal-klassi tan-nofs – u fost stennija li l-pajjiż jiffaċċja dalwaqt riċessjoni.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson u l-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Keir Starmer, fil-preżent qed jiddibattu l-aġenda tal-Gvern fil-Parlament. Dan wara li tħabbru, b’kollox, 38 liġijiet u abbozzi tal-liġi li jridu jkunu implimentati fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin.

Fl-istess ħin, Boris Johnson qed jaħseb biex jimplimenta xi riformi politiċi wara r-riżultati diżappuntanti għall-Partit Konservattiv fil-Gvern waqt l-elezzjonjiet lokali tal-ġimgħa l-oħra.

Sadanittant, il-Prinċep Charles qal li qed jistenna b’ħerqa għaċ-ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw il-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina Eliżabetta. Ir-Reġina, fi Frar, saret l-aktar Kap tal-Monarkija Britannika li damet f’dan ir-rwol — minbarra li l-ewwel minn fost ir-Rejiet u r-Reġini kollha li għalqet 70 sena fuq it-tron tal-Ingilterra.

Fost l-avvenimenti biex ifakkru l-okkażjoni unika se jkun hemm Jubilee bank holiday weekend speċjali ta’ erbat ijiem għall-Britanniċi u li jibda l-Ħamis, it-2 ta’ Ġunju. L-avvenimenti se jinkludu anki ċerimonja speċjali ta’ Trooping the Colour, flimkien ma’ servizz ta’ ringrazzjament f’St Paul’s Cathedral u kunċert quddiem il-Palazz ta’ Buckingham.