Lokali Parlament

Jeħtieġ sforz kollettiv biex ma tintilifx il-fiduċja fil-politika

Darren Carabott, PN

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott appella lill-parlamentari biex flimkien jaħdmu biex ma tintilifx il-fiduċja fil-politika.

Fil-parlament Darren Carabott qal li t-tfulija tagħti definizzjoni dwar min hi l-persuna; liema definizzjoni qed tinbidel. Hu qal li l-persuni kollha għandhom memorji dwar dak li jagħmilhom Maltin u żied li l-passat tat-tfulija jrid ikun hemm għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-politiċi għandhom responsabbiltajiet diversi, fosthom lejn dawk is-70,000 ċittadin li ma marrux jivvutaw. Irid isir sforz kollettiv biex dawn in-nies ma jkomplux jaqtgħu qalbhom, sostna Darren Carabott, li kompla li l-kompetizzjoni għandha tkun għal min se jkollu l-aqwa proposti.

Hu tkellem dwar is-sigurtà u qal li l-ewwel distrett hemm probemi ta’ sigurtà, ta’ ambjent, ta’ kwalità ta’ ħajja u xogħol u problemi ta’ koppji biex jixtru darhom. Il-PN se jkompli joffri l-ideat tiegħu b’mod matur, sostna Darren Carabott, li kompla li l-PN se jibqa’ viċin in-nies.