Lokali Parlament

L-għaqdiet tal-festi għandhom ikunu mgħejjuna

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella biex l-għaqdiet tal-festi jkunu mgħejjuna u mhux ikollhom iktar piżijiet.

Fl-Aġġornament tal-parlament Toni Bezzina tkellem dwar il-festi u qal li minkejja l-wiegħdi li saru, il-baned qed ikollhom iħallsu €500 fi ħlasijiet lill-pulizija biex jagħmlu marċ.

Hu qal li l-festi huma parti integrali mill-identità tal-pajjiż u sostna li l-gvrn għandu jgħin lill-għaqdiet volontarji minħabba ż-żieda fil-materjal għax-xogħol tan-nar, fir-restawr tal-armar, il-burokazija żejda għall-ħruq tan-nar fil-kuntest tal-pulizija u l-permessi li jridu jinkisbu.

Hemm problemi wkoll fl-importazzjoni tal-materjal minn barra, sostna Toni Bezzina, li appella biex ikun hemm l-għajnuna meħtieġa f’dan ir-rigward.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex tkun irkurparta l-VAT u biex l-ispejjeż tal-pulizija, tal-Protezzjoni Ċivili u tal-LESA m’għandhomx jitħallsu mill-għaqdiet għaliex dawn jikkontribwixxu għall-pajjiż. Dwar il-permessi hu qal li x-xogħlijiet li jagħmlu l-għaqdiet m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala xogħol kummerċjali.