Lokali Parlament

Malta b’responsabbiltà li tgħin lill-poplu Ukren

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet li Malta għandha responsabbiltà li tgħin lill-poplu Ukren.

Fl-Aġġornament tal-parlament Graziella Galea tkellmet dwar il-gwerra fl-Ukrajina u qalet li din hi sitwazzjoni ddisprata li qed teffettwa lill-pajjiżi kollha f’diversi setturi. Hi semmiet ir-rapport tal-Caritas u l-mod kif qed jgħolew il-prezzijiet fuq il-familji u fuq l-anzjani. L-għaqdiet volontarji jaħdmu kontinwament biex jagħtu kontribut quddiem din is-sitwazzjoni.

Din il-gwerra qed twassal għal apprezzament ikbar għad-demokrazija, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li enfażizzat l-inkwiet li din il-gwerra ġabet fuq il-popolazzjoni.

Għandu jkun hemm riflessjoni ikbar fuq dak li qed isir, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-UE għandha tgħin lill-poplu Ukren. Hi semmiet l-impenn ta’ Roberta Metsola li marret l-Ukrajina u ltaqgħet mal-President Ukren.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li Malta tista’ toffri l-apoġġ morali u umanitarju li hemm bżonn anki quddiem il-pożizzjoni tal-Ukarjina li tissieħeb fl-UE. Il-PN qed jappoġġa l-applikazzjoni tal-Ukrajina għas-sħubija fl-UE. Din il-gwerra se ġġib inkwiet ikbar minn dak li jidher; Malta wkoll għandha responsabbiltà li tgħin lill-poplu Ukren.