Ambjent Lokali

Proġett ta’ riċerka jelenka l-bżonn ta’ iktar spazji miftuħa għat-tfal Maltin

Fl-2019 l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal beda proġett ta’ riċerka sabiex jesplora kif l-ibliet u l-irħula Maltin jistgħu jsiru iżjed xierqa għat-tfal u biex iħeġġeġ stakeholders ewlenin joħolqu spazji xierqa fi sħubija mat-tfal u ż-żgħażagħ infushom.

B’kollaborazzjoni konġunta bejn iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Soċjo-Mozzjonali fi ħdan l-Università ta’ Malta, l-Ufiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal u l-Awtorità għall-Riżorsi u l-Ambjent sar studju ta’ riċerka bl-isem ‘Healthy Spaces, Co-creating Child-friendly Towns and Villages’ li ġie mniedi t-Tlieta waqt konferenza nazzjonali.

Studju li esplora l-fehmiet tat-tfal, ġenituri, carers u stakeholders komunitarji dwar kif l-ibliet u l-irħula Maltin jistgħu joffru spazji iżjed xierqa għat-tfal u għall-komunità kollha.

 L-istudju sar permezz ta’ survey ma iktar minn 1,000 tifel u tifla, 1500 ġenituri kif ukoll 170 stakeholder u  ffoka fuq oqsma bħas-sigurtà u l-ordni pubblika, ir-rikreazzjoni u l-logħob, spazji soċjali għat-tfal u għaż-żgħażagħ, in-natura, l-indafa, il-parteċipazzjoni u spazji inklussivi.

Il-Professur Carmel Cefai flimkien ma’ Natalie Galea u Rachel Spiteri taw ħarsa ħafifa dwar dak li ħareġ minn dan l-istudju… fejn bażikament it-tfal u l-adoloxxenti jridu li jkun hemm ambjent iktar nadif mingħajr karozzi, traffiku u tniġġis tal-arja filwaqt li jkun hemm iktar spazji ħodor viċin tagħhom fejn ikunu jistgħu jilagħbu u jkollhom attivitajiet soċjali. Apparti dan jixtiequ li jkun hawn iktar ħarsien ta’ dawn l-ispazji pubbliċi.

It-tfal u l-adoloxxenti aċċennaw il-fatt li ma tantx iħossuhom siguri fit-toroq Maltin anke minħabba użu ta’ droga, vjolenza u kriminalità.

Il-maġġoranza tal-adulti li ħadu sehem f’dan l-istudju qalu li għandu jkun hemm iktar spazji rikreattivi għat-tfal tagħhom filwaqt li ma jħossuhomx komdi jħallu lit-tfal tagħhom jimxu jew jilagħbu waħedhom fit-toroq.

L-istess sentiment inħass fost l-istakeholders hekk kif l-maġġoranza tagħhom ma jħossuhmx sodisfatti bl-ammont ta’ spazji miftuħa għat-tfal u l-adoloxxenti Maltin u Għawdxin.     

Bħala parti minn dan l-istudju se jsir ukoll proġett pilota bi sħubija mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li fih it-tfal  se jieħdu sehem bħala mexxeja għall-bidla pożittiva fil-lokalita tagħhom permezz tal-ħolqien ta’ spazji rikreattivi ħodor.