Lokali Qorti

Tifel jaqbeż għal fuq gallarija ta’ ġara hekk kif tliet irġiel daħlu biex jisirqu

Libjan ta’ 43 sena li kellu l-vizzju tad-droga tad-droga tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sena mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li f’Lulju tal-2019 hedded u żamm kontra l-volontà tagħhom tifel ta’ 13-il sena u lil missieru f’appartament f’San Pawl il-Baħar. It- tifel imwerwer kien qabeż għal fuq gallarija ta’ ġara li kienet hi li ċemplet lill-Pulizija

Il-każ seħħ fit-22 ta’ Lulju, meta l-Libjan u żewġt irġiel oħra daħlu armati b’sikkina biex jisirqu minn residenza fi Triq is-Sajf f’San Pawl il-Baħar. Sharif kien ġie arrestat fuq il-post iżda ż-żewġ kompliċi miegħu laħqu ħarbu minn fuq il-post. Huwa ma nstabx ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-missier, li pprova jisraq mill-appartament, li seraq il-mobile phone tal-missier, li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor. Instab ħati iżda u li żamm lill-missier u lil ibnu kontra r-rieda tagħhom u li heddidhom.

Mill-provi rriżulta li l-Pulizija marret fuq il-post wara li waslitilha telefonata mingħand mara dwar il-każ. Malli waslu fuq il-post, sabu lil mara u lit-tifel ta’ 13-il sena f’gallarija jibki u jitriegħed bil-biża. It-tifel kien spiċċa jaqbeż mill-gallarija tal-appartament ta’ missieru għall-gallarija tal-appartament tal-ġara, li tmiss mar-residenza tagħhom.

Meta daħlu fl-appartament, il-Pulizija sabu lil missier bil-Libjan jiċħad li kien kompliċi fl-attentat ta’ serqa maż-żewġt irġiel. Huwa qal li mar għand il-vittma għax kien ibiegħlu d-droga u ried xi flus lura. Il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li l-akkużat daħal bil-forza fl-appartament iżda ma ġiex pruvat li kellu l-arma.

Il-Maġistrat qalet li mix-xhieda tal-Libjan jirriżulta li l-vittma kien jittraffika d-droga u li dan ix-xogħol seta’ ħoloqlu numru ta’ għedewwa. Kien għalhekk li sabet lil Sharif ħati biss li żamm lill-missier u lil ibnu kontra r-rieda tagħhom u li heddidhom. Waqt li qieset li llum huwa ħieles mill-vizzju tad-droga poġġietu taħt ordni ta’ probation għal sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri li wkoll nvestiga l-każ