Sport Waterpolo

Tnejn minn tnejn għal Sliema fl-2022 … rebbieħa tal-Kampjonat tax-Xitwa għad-disa’ darba

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS… 10

SLIEMA FRANK SALT…………………. 10

(Sliema rebħu 5-4 bl-għoti tal-penalties)

(2-4), (3-1), (4-3), (1-2)

Dak li ma għamlux is-Sibt għamluh ilbieraħ. Sliema Frank Salt rebħu l-Kampjonat tax-Xitwa għad-disa’ darba meta rebħu kontra San Ġiljan bl-għoti tal-penalties quddiem attendenza sabiħa. Dan kien l-ewwel suċċess tas-Slimiżi f’din il-kompetizzjoni mill-2014, liema kampjonat kien qed jirritorna wara li l-aħħar żewġ edizzjonijiet ma sarux minħabba l-Covid-19.

Is-Slimiżi b’hekk rebħu t-tieni unur fl-2022 u inċidentalment reġgħu għelbu lil San Ġiljan wara l-finali mirbuħa fl-Enemed Cup. Iż-żewġ timijiet iltaqgħu wara li s-Sibt li għadda, San Ġiljan ħarġu rebbieħa kontra Sliema u laħquhom fil-klassifika.

Sliema kellhom l-aħjar bidu possibbli hekk kif sa nofsl-ewwel sessjoni kellhom vantaġġ ta’ 4-1. Nikolai Zammit naqqas id-distakk bl-aħħar attakk tal-Ġiljaniżi fis-sessjoni. Il-vantaġġ ta’ tliet gowls li kellhom is-Slimiżi baqa’ sa ħafna mit-tieni sessjoni sakemm fi prattikament minuta u nofs, San Ġiljan skorjaw tliet darbiet permezz ta’ Nikolai, Darren u Matthew Zammit.

It-tielet sessjoni kienet karatterizzata minn botta u risposta, b’San Ġiljan imorru minn fuq tliet darbiet, bir-rispsta Slimiżi tasal dejjem immedjatament. Dan sakemm l-eks Nicholas Bugelli żamm lil San Ġiljan 9-8 minn fuq. Mark Meli kien il-protagonist ta’ Sliema fl-aħħar sessjoni. Wara li ġab id-draw minn man-up u Ben Plumpton żamm lill-Ġiljaniżi minn fuq, il-captain Slimiż tefa’ l-logħba għall-penalties 37 sekonda minn tmiem il-logħba.

Fl-għoti tal-penalties, Matthew Mifsud, Jerome Gabarretta, Benji Cachia u Mark Meli skorjaw għal Sliema filwaqt li Nikolai Zammit, Mattias Ortoleva, Peter Borg u Matthew Zammit skorjaw għal San Ġiljan. Ben Plumpton kien falla l-ewwel penalty ta’ San Ġiljan u Dino Zammit falla t-tieni penalty ta’ Sliema. Matthew Mifsud skorja s-sitt penalty ta’ Sliema iżda t-tentattiv ċentrali ta’ Ben Plumpton ġie salvat minn Nicky Grixti.

Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Sliema Mark Meli ġie preżentat bit-trofew minn Charles Azzopardi f’isem il-Bank of Valletta, fil-preżenza tal-Viċi President tal-ASA Carlo Mifsud.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (1), N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit (1), M. Ortoleva, D. Tully, J. Bonavia (2), N. Zammit (3), D. Zammit (1), N. Bugelli (1), G. Vassallo, B. Plumpton (1), D. Fero

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (2), D. Rizzo, M. Meli (3), B. Cachia (1), J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg, K. Borg, Z. Mizzi (1), D. Zammit (2), A. Theuma, J. Saliba, J. Gambin

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari