Lokali Parlament

Zelensky jappella lill-Gvern biex ma jgħinx lir-Russi bil-passaporti u biċ-ċittadinanza

Il-President tal-Ukrajina Zelensky appella lill-Gvern Malti biex ma jħallix lil Malta tkun abbużata u ma jgħinx lir-Russi bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u bil-kisba taċ-ċittadinanza Maltija lill-istess Russi.

Il-President Zelensky indirizza lill-parlament Malti permezz ta’ messaġġ f’seduta li fiha tkellmu wkoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-President Ukren Zelensky qal li mhux konflitt hemm fl-Ukranija iżda gwerra li tinkludi t-tortura u l-qtil. Kienu r-Russi li ġew joqtluna; qed nagħmlu minn kollox biex niddefendu lill-poplu Ukren u biex inġibu l-paċi fl-Ukrajina, qal Zelensky, li kompla billi sellem ir-reżistenza tal-poplu Malti fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Zelensky qal li din ir-reżistenza iddefinixxiet il-futur tal-Ewropa bl-istess mod kif ir-reżistenza tal-Ukreni qed tiddefinixxi l-futur tal-poplu Ukren. Hu kompla li l-bumbardamenti Russi mhux jieqfu; lejl u nhar, il-ħin kollu għaliex ir-Russi qed jattakkaw kontinwament.

Il-President Ukren qal li r-Russi qed jisparaw il-missli fuq iċ-ċivili f’postijiet fejn huma jafu li hemm biss ċittadini Ukren jistekknu mill-gwerra.

Qed jipprovaw jimblokkaw l-ibliet u qed joħolqu infern f’diversi bliet, sostna il-Presdient Ukren, li kompla li r-Russi qed jimblokkaw ukoll l-affarijiet essenzjali għal-poplu Ukren.

Il-President Ukren qal li l-armamenti neċessarji biex l-Ukreni jiddefendu l-ibliet ma kinux provduti u sostna li r-Russi jridu jaħftu mhux biss lill-Ukrajina iżda pajjiżi oħra wkoll.

Hu qal li mijiet ta’ tfal u eluf adulti qed jinqatlu waqt li ħames miljuni ħarbu mill-Ukrajina. Ir-Russja għandu tkun sfurzata toħroġ mill-artijiet Ukreni; dan għandu jsir billi l-Ukreni jkollhom l-armi biex jiddefendu lill-poplu li qed jinqatel, isiru sanzjonijiet kontra r-Russi u jsir l-imblokk tat-transazzjonijiet bankarji Russi. Hu qal li jekk ma jkunu esportati prodotti ċereali, jista’ jkun hemm kriżi kbira.

“Jeħtieġ azzjoni mmedjata u jsir embargo fuq il-prodotti taż-żejt Russi”, sostna Zelensky, li kompla li għandhom jitwaqqfu l-privileġġi li għadhom ir-Russi fosthom bix-xiri tal-passaporti u ċ-ċittadinanza minn Malta. Tħallux li tkunu użati mir-Russi; tħallux lir-Russi jużaw l-art tagħhom, appella Zelensky, li tkellem wkoll dwar il-proċess Ukren ta’ sħubija fl-UE. Hu rringrazzja lil Malta għall-appoġġ li qed tagħti lill-poplu Ukren.