Lokali

BirdLife Malta tiddeplora attakk li seħħ matul laqgħa tal-ORNIS

BirdLife Malta tinsab ixxukkjata bl-attitudni aggressiva u l-attakk fiżiku tal-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti Lino Farrugia wara argument ma’ uffiċjali għoli tal-gvern u kap tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) Richard Lia aktar kmieni llum waqt laqgħa tal-Kumitat ORNIS. Dan wassal biex iċ-Chairman tal-Kumitat kien kostrett jissospendi l-laqgħa tal-Kumitat.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li filwaqt li BirdLife tesprimi s-solidarjetà tagħha ma’ Lia, ma jistgħux jifhmu kif fiż-żminijiet tal-lum il-lobby tal-kaċċaturi għadha mmexxija minn nies li ma jiddejqux jirrikorru għal abbuż fiżiku biex jieħdu li jridu. Huwa saħaq li dan l-aġir hu inaċċettabbli.Mark Sultana stqarr li BirdLife kitbet lill-Ministri konċernati u talbet li tittieħed azzjoni immedjata u s-Sur Farrugia jiġi sospiż darba għal dejjem mill-Kumitat ORNIS.

“Qed nitolbu dan sabiex nuru sapport kollettiv lejn is-Sur Lia waqt li jintbagħat messaġġ ċar li azzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabbli aktar fis-soċjetà, aktar u aktar f’entitajiet appuntati mill-gvern. Qed nitolbu dan ukoll għas-sigurtà u sserenità tal-membri l-oħra tal-Kumitat, inkluż dawk ta’ BirdLife Malta li jixirqilhom iħossuhom siguri f’laqgħat bħal dawn. Wieħed jista’ jiddibatti largumenti b’mod ċivili imma li jirrikorri għall-abbuż fiżiku ma jistax jiġi aċċettat u għandu jiġi ddeplorat minn kulħadd”, sostna dan il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana