Lokali

Dokumentarju fuq il-gwerra fl-Ukrajna biex jiġbru fondi għar-refuġjati

Il-ġurnalisti Maltin Neil Camilleri u Giuseppe Attard qed jipproduċu dokumentarju fuq l-esperjenza riċenti tagħhom fl-Ukrajna, bil-għan li jiġbru fondi għar-refuġjati li jgħixu fid-djar immexxija mis-Sależjani ta’ Don Bosco.

Camilleri u Attard, li huma ġurnalisti ma’ The Malta Independent, kienu fl-Ukrajna bejn it-28 ta’ Marzu u s-7 t’April, fejn żaru fost l-oħrajn il-bliet ta’ Kyiv u Lviv, u raw b’għajnejhom il-qerda tal-gwerra u telf ta’ ħajja f’Irpin u r-reati tal-gwerra li seħħew ġewwa Bucha.

Matul din iż-żjara, intervistaw ukoll bosta refuġjati li jinsabu taħt il-kura tas-Sależjani fl-Ukrajna, is-Slovakkja u l-Polonja.

Id-dokumentarju se jintwera esklussivament fuq GO TV fil-ġimgħat li ġejjin.

GO kien l-isponsor ewlieni tat-tim ta’ ġurnalisti, u pprovidhom b’internet b’xejn matul iż-żjara tagħhom fl-Ukrajna.

Id-dokumentarju se jinkludi filmati esklussivi li għadhom ma ġewx ippubblikati mittieħda f’Irpin, Bucha, Stoyanka u Dmitrivka, kif ukoll intervisti ma’ ommijiet Ukreni li ħarbu miż-żoni tal-kunflitt ma’ wliedhom.

Iż-żewġ ġurnalisti jitkellmu dwar l-esperjenzi taġħhom fil-pajjiż, inkluż fuq is-sitwazzjoni fi’ Kyiv, u fuq l-għajnuna li ngħataw mill-voluntiera Ukreni.

Id-donazzjonijiet kollha miġbura se jmorru għand is-Sależjani, li se jużaw il-fondi biex ikomplu jilqgħu refuġjati tal-gwerra.

Din il-ġimgħa, Camilleri u Attard se jirritornaw fl-Ukrajna, fejn se jkunu qed jirrappurtaw minn bliet fil-lvant tal-pajjiż. Huma għandhom il-ħsieb li jipproduċu dokumentarju ieħor malli jaslu lura.

Il-pubbliku jista’ jagħti donazzjonijiet direttament lis-Sależjani hawnhekk:

APS BANK: PROVINCIAL ECONOMER, SALESIANS OF DON BOSCO
Account No: 10258730013
IBAN: MT60APSB77079000258710258730013
Details: TMI and GO Documentary