Futbol Sport

Floriana fil-finali tal-FA Trophy wara rebħa meritata fuq Hibernians

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rowen Camilleri

FLORIANA………….2

HIBERNIANS………1

Floriana: G. Kitanov,A. M. Overend, C. Rutjens, O. El Hasni, Z. Cassar (R. Camenzuli 36’), K. Reid, J. Arias (A. Ciolacu 79’), N. Garcia (R. Hovsepyan 86’), B. Paiber, E. Callegari, J. Busuttil (D. Agius 79’)

Hibernians: M. C. Cremona, F. Apap (R. Dos Anjos 54’) (J. Zerafa 75’), L. Almeida, J. Grech, J. Degabriele, D. Vella, Z. Grech (H. Da Costa 39’), T. Aldama (W. Domoraud 75’), A. Agius, G. Artilles, A. Diakite (A. Muniz 54’)

Skorjaw: K. Reid 27’, J. Busuttil 45+3 (F), W. Domoraud 87’ (H)

Imwissija: K. Reid 24’ (F), F. Apap 26’, L. Almeida 90+5 (H)

Tkeċċa: K. Reid 28’ (F)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jan Busuttil (Floriana)

Floriana se jkunu l-avversarji tar-rivali tagħhom Valletta fil-finali tal-FA Trophy hekk kif fit-tieni semi finali huma għelbu liċ-Champions tal-Kampjonat Hibernians bl-iskor ta’ 2-1. Floriana kienu l-aħjar tim għall-maġġor parti tal-partita anke jekk lagħbu għal aktar minn sigħa b’għaxra minn nies hekk kif fit-28 minuta tkeċċilhom l-awtur tal-ewwel goal Kemar Reid.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Hibernians wara sitt minuti meta Jake Grech provda ballun tajjeb lil Jurgen Degabriele li avvanza, u wara li qabeż difensur xuttja bis-saħħa iżda sab lil Kitanov attent u b’save stupend dawwar f’korner. Minuta wara azzjoni personali ta’ Kemar Reid li rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja iżda minn fuq il-penalty spot il-Ġamajkan tefa’ barra. Mal-kwarta logħob Jose Arias fil-kaxxa qabeż tajjeb ferm lil Diakite u tefa’ kross insidjuż fil-baxx lejn Reid li kien ġej quddiem lasta vojta, iżda Apap tajjar fil-ħin dak li seta kien goal ċert għal Floriana. Fis-27 minuta Floriana jiftħu l-iskor meta reġa kien KEMAR REID li bil-veloċità tiegħu daħal fil-kaxxa mil-lemin u ssikkat minn Almeida minn qagħda angulata b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn taħt saqajn Callejja Cremona. L-istess Reid wara ċ-ċelebrazzjonijiet intwera t-tieni karta safra u għalhekk tkeċċa minħabba li deher jagħmel xi mossi lejn is-supporters ta’ Hibernians. Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, għalkemm bi plejer inqas Floriana fuq l-offensiva fejn kien Busuttil li mil-lemin qassam tajjeb lejn Arias li minn naħa tiegħu sab l-ispazju biex jikkonkludi u hekk għamel, bil-goalkeeper Calleja Cremona jilqa b’diffikultà. Tliet minuti wara Jake Grech tefa ballun fil-kaxxa lejn Degabriele li bi sbrixx miss il-ballun bir-ras li kien se jqarraq b’Kitanov, iżda b’xorti tajba għal goalkeeper ta’ Floriana l-ballun ħabat ma’ saqajh u mar f’korner. Fit-tielet minuta tal-ħin miżjud Floriana rduppjaw meta JAN BUSUTTIL mix-xellug ra lil Callejja Cremona xi ftit barra u bi ġmiel ta’ konklużżjoni tefa’ l-ballun fix-xibka biex l-ewwel taqsima ntemmet b’vantaġġ ta’ żewġ goals għal Greens.

Dwell fl-arja bejn Rutjens ta’ Floriana u Vella ta’ Hibernians (Ritratt: Trevor Sollars)

Fil-bidu tat-tieni taqsima Floriana komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fid-49 minuta Paiber għadda lejn is-sostitut Camenzuli li prova x-xutt mill-ewwel iżda għadda ftit għoli. Fl-74 minuta Floriana reġgħu marru viċin meta Ryan Camenzuli qabeż lis-sostitut l-ieħor Dos Anjos u malli ġie quddiem Callejja Cremona Camenzuli ra x-xutt dgħajef tiegħu ikun milqugħ. Minuta wara Dunstan Vella waqqa ballun lura lejna Jake Grech li minn barra l-kaxxa prova konklużżjoni fil-baxx li spiċċat f’idejn Kitanov. Fit-83 minuta Alvaro Muniz inkariga ruħu minn free kick dirett li ra x-xutt angulat tiegħu ikun milqugħ minn Kitanov. Hibernians daħlu fil-partita fis-87 minuta meta Muniz tefa’ kross preċiż fuq WILFRED DOMORAUD li għola tajjeb bir-ras u għeleb lil Kitanov. L-isforzi ta’ Hibernians kienu kollha għal xejn bid-difiża ta’ Floriana jirnexxielha tirreżisti sat-tisfira finali biex b’hekk kienu t-tim immexxi minn Gianluca Atzori li għamluha għall-finali ta’ nhar il-Ħadd.

Ryan Camenzuli jipprova konklużżjoni lejn il-lasta ta’ Matthew Calleja Cremona (Ritratt: Trevor Sollars)