Lokali Qorti

Ġanni Attard b’ittra lill-awtoritajiet dwar il-proċeduri Kostituzzjonali li fetaħ

Il-bidwi Għawdxi Ġanni Attard fetaħ proċeduri Kostituzzjonali kontra t-talba tal-Qorti biex iħallas €50,000 biex ikun jista’ jinstema’ l-appell dwar il-każ tal-merħla tiegħu tan-nagħaġ fl-Għarb Għawdex.

Dan wara li Attard għamel talba lill-Qorti fil-konfront tat-Tabib Veterinarju Frank Galea biex jitlob li jiġi kawtelat l-ammont ta’ danni sofferti minħabba l-aġir ta’ Galea, fejn intalab iħallas €1.5 miljun.

F’ittra indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-Avukat Joshua Grech innota kif il-klijent tiegħu qed jitlob li tinġibed l-attenzjoni dwar dan il-każ u anke li d-drittijiet tiegħu jkunu mħarsa wara li ilu għaxar snin jitlob li n-nagħaġ tiegħu jkunu rreġistrati.

Dan hekk kif Ġanni Attard qed jgħid li l-każ imur kontra s-Saltna tad-Dritt, kif ukoll li qed jinkisru d-drittijiet fundametali tiegħu u tan-nagħaġ. Għaldaqstant, jekk dawn id-drittijiet se jkomplu jinkisrulu mill-Qrati Maltin, hu lest li jmur fil-Qorti tal-Unjoni Ewropea biex issir ġustizzja miegħu.