Lokali

Ħaddiem isofri ġrieħi gravi wara li ċeda travu bih u waqa’ sular

Dalgħodu, għall-ħabta tad-disgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza għax kien seħħ inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Farfett, il-Marsa.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li ħaddiem mill-Mali ta’ 25 sena, sofra xi ġrieħi wara li ċeda travu bih u waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qiegħed jaħdem.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.