Lokali

Hemm bżonn ta’ azzjoni drastika – The Malta Independent

Mhux biżżejjed li d-Direttur tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati jitlob sempliċi apoloġija għall-kumment abbużiv li għamel fuq Facebook.

Hekk qal il-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tiegħu, wara li John Charles Ellul ħassar post li tella’ fuq il-media socjali, filwaqt li inkluda nota ta’ apoloġija, wara li anke l-Ministeru tal-Intern deher japprova din il-mossa.

Ftit tal-jiem ilu, fil-post tiegħu, Ellul ħeġġeġ aġir dispreġġjattiv fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, bil-ġurnal jistaqsi jekk għandniex inħallu persuni f’pożizzjoni hekk għolja li bhal donnu jitolbu apoloġija u kollox jiġi lura għan-normal.

Ellul, li jiġi ħu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista u Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul, m’għandux jitħalla f’dik il-kariga, qal il-ġurnal, li staqsa wkoll jekk għandhiex tittieħed azzjoni kontra xi ħadd ieħor li jagħmel l-istess att meta persuna f’kariga bħal din tħalla joħroġ minnha b’sempliċi apoloġija.

Il-ġurnal kompla li, jekk it-tkeċċija hi pass wisq drastiku, almenu għandu jkun sospiż għal xi jiem bħala deterrent. Hu biss b’azzjoni drastika li l-lezzjoni tittieħed minn kulħadd, aktar u aktar meta l-Ministeru qal li Ellul intalab iħassar il-kumment u jagħmel apoloġija. Għaldaqstant, il-ġurnal staqsa jekk verament iddispjaċihx ta’ li għamel jew kitibx hekk għax intalab.

Li hu żgur, kompla l-Editorjal, hu li pajjiżna għandu bżonn jara kif jeqred il-mibegħda partiġġjana darba għal dejjem u, l-fatt li persuni f’karigi għoljin sempliċiment jintalbu japoloġizzaw mingħajr riperkussjonijiet oħrajn, żgur li ma jgħinx.

Il-ġurnal staqsa għaliex hawn min hu ossessjonat tant li jobgħod persuni li jappoġġjaw partiti politiċi oħrajn, filwaqt li jidolizza lill-politiċi tal-partit li jappoġġja. Dan hekk kif ikun jagħmel aktar sens li wieħed jibbaża l-ġudizzju tiegħu fil-konfront tal-politiċi fuq l-azzjonijiet u l-politika tagħhom mingħajr ma nibqgħu naraw wisq il-kuluri.

Bl-Editur jghid li għandna bżonn naħdmu aktar biex din is-sitwazzjoni titjieb u, li xi ħadd sempliċiment jintalab jagħmel apoloġija, żgur li ma ssolvi xejn.