Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Futur imċajpar għal Kherson li tista’ tispiċċa ‘parti mir-Russja’

Il-belt ta’ Kherson, fin-nofsinar tal-Ukrajna, qed tiffaċċja futur dejjem aktar inċert wara li waqgħet taħt il-kontroll tar-Russja. Dan meta l-awtoritajiet f’din il-belt – li huma favur Moska – qed iħejju biex jitolbu lill-President Russu Vladimir Putin ħalli dan ir-reġjun partikulari tal-Ukrajna jispiċċa anness mar-Russja.

Kherson hi l-unika belt ewlenija li kellha taqa’ lir-Russi mill-bidu tal-invażjoni ‘il hawn. Fl-istess waqt, mistenni li Moska, ‘il quddiem’ tittratta l-prospett li din il-belt Ukrena tibda tifforma ‘parti mir-Russja’ minħabba l-importanza strateġika tagħha.

Fl-aħħar sigħat ukoll, Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin, qal li jridu jkunu r-residenti ta’ Kherson li jiddeċiedu d-destin tagħhom.

Peskov, fl-istess ħin, spjega li għandu jkun hemm bażi legali ċara għaż-żieda ta’ Kherson mat-territorju tar-Russja ‘l-istess bħalma kien il-każ meta l-qawwiet Russi, fl-2014, ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha ma’ arthom.’