Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Impenn tas-sigurtà ġdid għall-Iżvezja u l-Finlandja

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, iffirma dikjarazzjoni tas-sigurtà mal-Iżvezja fejn wiegħed l-appoġġ tal-Britanniċi f’każ li l-militar Żvediż, xi darba, jispiċċa taħt attakk.

Johnson – li kien għaddej bi żjara fir-reġjun – aktar tard għamel l-istess impenn lill-Finlandja; bir-Russja qed twiegħed li għandu jkun hemm ‘il-konsegwenzi’ f’każ li l-Iżvezja u l-Finlandja, ‘il quddiem, jissieħbu mal-Alleanza tan-NATO.

Il-ftehim partikulari mal-Iżvezja u l-Finlandja kapaċi jinvolvu skambju ta’ informazzjoni sigrieta inkella l-organizzazzjoni ta’ diversi eżerċizzji militari konġunti.

Dan meta l-Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson u l-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin, ilhom il-ġimgħat jindikaw li l-futur ta’ pajjiżhom jista’ ikun fi ħdan l-Alleanza tal-Punent. Il-pajjiżi-membri tal-Alleanza huma impenjati biex jiddefendu lil kwalunkwe Stat tan-NATO li jispiċċa attakkat minn pajjiż ostili.

Il-popli rispettivi tal-Iżvezja u l-Finlandja – li t-tnejn għandhom storja twila ta’ newtralità – illum qed jidhru aktar disposti minn qatt qabel li jidħlu fin-NATO u speċjalment ladarba raw dak li għaddej fl-Ukrajna bħalissa.

Mhux ċar kif ir-Russja qed taħseb biex twieġeb f’każ li l-Iżvezja u l-Finlandja jsiru membri uffiċjali tal-Alleanza tal-Punent.

U filwaqt li l-Iżvezja u l-Finlandja għad iridu jħabbru jekk humiex se japplikaw tassew għall-isħubija fin-NATO, Boris Johnson qal li din l-isħubija ‘ għandha tibbaża fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-pajjiżi Skandinavi rispettivi’.

Min-naħa tagħha, Magdalena Andersson qalet li ‘il-livell tat-tensjoni f’din il-parti tal-Ewropa (l-Iskandinavja) żdied bil-kbir fl-aħħar snin u b’mod partikulari wara l-ġimgħat ta’ aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna’.