Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Suċċessi għall-qawwiet ta’ Zelensky fil-limiti ta’ Kharkiv

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li rnexxiet kontro-offensiva tat-truppi tiegħu li fl-aħħar sigħat ħadu l-kontroll f’numru ta’ bliet viċin il-belt ewlenija ta’ Kharkiv.

Sadanittant, l-awtoritjiet fl-inħawi qalu li Kharkiv spiċċat mill-ġdid taħt bumbardament qalil u li kienu għaddejjin il-‘battalji ħorox’ fir-reġjun. Il-belt ta’ Kharkiv hi t-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna u ilha mira għall-attakki intensivi tal-qawwiet Russi mindu l-Armata tal-Kremlin invadiet lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet lokali fil-madwar ta’ Kharkiv qalu li t-truppi Russi ħallew warajhom ħafna splussivi – jew booby traps – fir-reġjun, u għaldaqstant iċ-ċivili Ukreni qed ikunu mħeġġa biex jibqgħu f’darhom u mhux imorru jiġru lejn iz-zoni li għadhom kemm spiċċaw illiberati mill-militar Russu.

Dan fost il-messaġġi ripetuti mill-awtoritajiet Ukreni li ‘l-għadu ( ir-Russi) qegħdin jagħmlu minn kollox biex joqtlu u jferu l-massimu taċ-ċivili waqt l-invażjoni.’

Ir-rapporti komplew li t-truppi Russi, fl-aħħar sigħat, kienu kostretti li jirtiraw aktar ‘il bogħod minn Kharkiv u fost it-tamiet li ċ-ċentru reġjonali ma jisfax daqshekk mira għall-bumbardamenti fil-jiem li ġejjin.”