Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Vladimir Putin qed iħejji għal gwerra fit-tul

Is-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti wissew li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed iħejji għal gwerra fit-tul fl-Ukrajna u li tista’ iġġebbed għal xhur sħaħ.

L-istess sorsi semmew il-possibbiltà li l-qawwiet tal-Kremlin ikomplu għaddejjin bil-battalji fl-Ukrajna anki f’sitwzzjoni fejn jiksbu rebħa deċiżiva waqt l-offensiva fuq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant.

Numru ta’ osservaturi jaqblu li mhemm l-ebda sinjali li l-konflitt fl-Ukrajna jista’ jintemm f’qasir żmien u meta l-artijiet Ukreni tal-Lvant għadhom mira ewlenija għat-truppi ta’ Putin fost il-battalji intensivi fl-inħawi.

Ir-Russja, fl-aħħar ġranet, bagħtet l-Armata tagħha lejn ir-reġjun tad-Donbas ( lejn il-lvant tal-Ukrajna) wara li l-qawwiet tal-Kremlin fallew fl-attentati biex jieħdu l-kontroll ta’ Kiev, il-kapitali Ukreni, u l-madwar.

Fl-istess ħin, is-servizzi sigrieti Amerikani qalu li s-sitwazzjoni tal-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna tinsab ‘staġnata’ u fejn l-avvanzi tat-truppi Russi ‘jistgħu jkunu kalkulati f’termini ta’ millimetri’.

Intant, l-istess servizzi qalu li Vladimir Putin xorta jrid jilħaq it-tragwardi militari tiegħu ‘il hinn mid-Donbas. Madankollu, l-ambizzjonijiet territorjali tiegħu ma jidhrux li se jkunu realizzati mill-kapaċitajiet militari tal-Kremlin li qed ikompli jitlef it-truppi u t-tagħmir tal-gwerra minn ġurnata għall-oħra.

Jista’ ikun ukoll li l-President Russu qed jittama li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ma jibqgħux jgħinu daqstant lill-Ukrajna minħabba li l-gwerra qed tixpruna l-inflazzjoni, fost in-nuqqasijiet tal-ikel u l-qabża kbira fil-prezzijiet tal-enerġija fil-pajjiżi tal-Punent.