Lokali Qorti

IL-KAŻ TA’ RYAN SCHEMBRI: “Ma nistax nifhem kif il-Pulizija ma għamlu xejn”

Ritratt: Matthew Tabone

Dalgħodu fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tan-negozjant Ryan Schembri li jinsab akkużat bi frodi ta’ miljuni kbar ta’ ewro.

Waqt ix-xhieda li qed tingħata, l-Ispettur Anthony Scerri stqarr illi l-Pulizija f’Malta kienu ilhom mill-2017 infurmati bil-movimenti ta’ Schembri lejn ir-Renju Unit. “Għal xi raġuni, ma nistax nifhem kif il-Korp dak iż-żmien ma għamel xejn”, stqarr l-Ispettur fil-Qorti.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġie spjegat ukoll il-mod li bih Ryan Schembri kien ħarab minn pajjiżna fl-2014: l-ewwel kien telaq bil-katamaran lejn Sqallija, u minn hemm – hu u l-familja tiegħu – qabdu titjira lejn Amsterdam. Imbgħad, mill-Olanda kienu telqu lejn Dubaj, dritt lejn l-Awstralja u lura Dubaj f’temp qasir.

Fil-Qorti issemma wkoll kif Schembri kien ilu xahar l-Iskozja meta ġie arrestat. Hu kien qed joqgħod f’residenza li hi propjetà tal-kunjata tiegħu. Iżda effettivament, hu kien ilu jgħix fir-Renju Unit sa mill-2017.

Ryan Schembri kien qed isostni lill-familja tiegħu minn dħul li kellu minn kumpaniji ibbażati fis-Seychelles u fl-Ingilterra.