Ambjent Lokali

Il-Prim Ministru mħeġġeġ jibdel id-direzzjoni fuq liġi li qed tiġi proposta

BirdLife Malta qed tħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jintervjeni u jirrevedi bidla li qed tiġi proposta fil-liġi u li tista’ tipperikola l-istudji xjentifiċi dwar l-għasafar.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet illi temmen li l-PM Robert Abela qed jiġi żgwidat u mogħti informazzjoni żbaljata fil-każ tal-aktar proposti riċenti fuq il-bird ringing.

Il-bidla – li qed titpoġġa fuq l-aġenda ta’ laqgħa tal-Kumitat ORNIS li se ssir iktar tard illum – mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), tissuġġerixxi li għandu jkun hemm skemi oħra tal-bird ringing f’Malta
li ma jkunux affiljati mal-EURING, li hija skema Ewropea ta’ reputazzjoni. IlEURING hija netwerk b’saħħtu u kredibbli mifrux mal-Ewropa li jilqa’ fih skemi tar-ringing b’valur xjentifiku biex ikun żgurat li l-istudji xjentifiċi dwar lgħasafar, speċjalment dawk relatati mal-passa tal-għasafar, ikunu ta’ livell għoli u l-iskemi kollha jikkoperaw bejniethom. F’Malta l-liġi tgħid li l-iskemi tarringing li jingħataw il-liċenzja jistgħu jkunu biss dawk affiljati mal-EURING.

L-Iskema tar-Ringing ta’ BirdLife Malta hija affiljata mal-EURING u twaqqfet f’nofs is-sittinijiet. Il-Prim Ministru għandu japprezza li bil-ħolqien ta’ skemi oħra, mhux se tkun qed tibbenefika x-xjenza u dan se joħloq il-possibbiltà ta’
abbuż mill-għasafar stess, speċjalment minn terzi li għandhom kull interess li jippromwovu xjenza fażulla. Wara bidliet fil-liġi li saru aktar kmieni, ilkaċċaturi u n-nassaba issa jistgħu jsiru wkoll bird ringers liċenzjati wara li jingħataw it-taħriġ neċessarju.

Fid-dawl ta’ dan BirdLife Malta qed tħeġġeġ lill-Prim Ministru Abela biex jissospendi l-emendi li qed jiġu proposti għal-liġi sakemm issir diskussjoni serja mal-imsieħba kollha involuti ħalli jkun evitat li Malta terġa’ tiffaċċja sitwazzjoni imbarazzanti mal-Kummissjoni Ewropea b’rabta mat-trasparenza.