Knisja Lokali

Investiment ta’ aktar minn €155,000 għal restawr fuq il-faċċata tal-Knisja tan-Naxxar

Il-Knisja Arċipretali tan-Naxxar gawdiet minn għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’fondi Ewropej biex isir xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata, iddedikata lil Marija Bambina.

F’konferenza tal-aħbarijiet, kien spjegat kif il-proġett sewa €155,500, li €124,000 minnhom kienu mill-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet Dun David Gauci rringrazzja lill-komunità Naxxarija, li ġabret 20% tal-fondi meħtieġa.

Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja f’Malta hi impenjata li jitħares il-patrimonju kulturali kattoliku għax temmen li l-knejjes tagħna jifformaw parti essenzjali minn dan il-patrimonju. Hu faħħar l-impenn ta’ kull min kien involut biex il-fondi Ewropej setgħu jintużaw għal dan l-iskop tajjeb.

L-Isqof Galea-Curmi qal li meta nħarsu lejn il-Knisja, m’għandniex biss naraw kemm hi sabiħa, iżda wkoll nifhmu aħjar kif din il-binja tlaqqa’ flimkien u tilqa’ fi ħdanha lill-poplu għall-qima lil Alla.

Barra minhekk, hu importanti li l-knejjes tagħna jinżammu f’kundizzjoni tajba għax hekk ukoll, il-bniedem jista’ jħossu aktar komdu f’ambjent li jgħinu jibni l-valuri Nsara li jgħinu lis-soċjetà tkun waħda aktar b’saħħitha.

L-Isqof Awżiljarju kompla li, minkejja li kellha l-binjiet tagħha magħluqin għal sentejn minħabba l-pandemija, il-Knisja f’Malta baqgħet għaddejja bil-proġetti ta’ konservazzjoni u restawr f’diversi Parroċċi u Knejjes. Kompla li investiment bħal dan għandu jgħinna nagħrfu niddistingwu bejn dak li hu għall-ġid komuni u dak li jfisser biss gwadann għal ftit nies b’detriment għall-bqija.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.