Lokali Parlament

Is-sistema edukattiva għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tat-tfal

Justin Schembri, PN

Id-deputat Nazzjonaista Justin Schembri qal fil-parlament li s-sistema edukattiva għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tat-tfal flimkien mal-għodda neċessarja lill-għalliema.

Hu kkowta lill-President ta’ Malta li qal li pajjiżna u l-poplu tiegħu għandu futur sabiħ jekk nagħrfu naħdmu għalih. Jiddependi minna lkoll flimkien. Hu qal li lkoll naqblu li l-futur ta’ pajjiżna jinsab f’idejn min jilleġiżla, min imexxi u min irid jaħseb għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin bid-deċiżjonijiet li jittieħdu llum.

Huwa l-għan, anzi l-obbligu tagħna bħala Gvern u Oppożizzjoni li nagħrfu naħdmu għal dak li jista’ jwelled futur sabiħ, imma għandu jkun hemm rieda ġenwina minna lkoll.

Ma nistax ma narax din il-frażi minn perspettiva edukattiva, għaliex inkun qiegħed nonqos li nagħraf dak li huwa verament fundamentali biex nibnu futur li fih inkunu “ambizzjużi għat-tfal tagħna” biex kull tifel u tifla jkolhom aċċess xieraq għall-edukazzjoni. Irridu nkunu ġusti, inklussivi u prattiċi fil-mod ta’ kif nagħmlu l-edukazzjoni tagħna.

Qabel xejn għalhekk irridu nwelldu mentalità ġdida li fiha l-edukazzjoni ma tibqax dipendenti għalkollox fuq l-eżamijiet u l-assessjar, imma li fiha l-edukazzjoni sservi sabiex it-tfal tagħna jibdew jifhmu l-esperjenza tal-ħajja fl-aspett wiesa’ tagħha. L-edukazzjoni mhix l-akkademiku biss.

Irridu nimirħu, u nemmnu li t-tfal tagħna jistgħu javvanzaw u jimxu ’l quddiem jekk kemm-il darba l-edukazzjoni akkademika tkun inkorporata f’sistema li tagħti wkoll spazju lill-isport, lill-arti u lill-kultura u li fiha nifhmu kemm huwa importanti li jkollna biżżejjed għodod diġitali li permezz tagħhom uliedna jistgħu jirriċerkaw u jitgħallmu ’l bogħod minn modi tradizzjonali li mhux dejjem qegħdin jaqduna jew jaqdu lil kulħadd.

Hawnhekk ninnota b’sogħba – ċifri li ilna nafuhom imma li issa kienu aċċentwati mill-President Emeritu l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca – li f’pajjiżna għad għandna madwar 11% tat-tfal, jew inkella 5,000 tifel u tifla li ma għandhomx aċċess xieraq għall-mezzi diġitali u / jew l-internet.

Justin Schembri qal li għandha tkun il-pregorattiva tagħna l-politiċi li negħlbu din il-problema tas-seklu l-ġdid hekk imsejħa ‘Digital Divide’, problema li rridu nindirizzawha fl-immedjat. Għalhekk, nappella lill-Gvern sabiex mhux bħal f’okkażjonijiet fil-passat, ikun proattiv biżżejjed u jagħraf l-importanza fil-wegħda elettorali tiegħu ta’ qabel l-elezzjoni li jagħti l-apparat elettroniku lil kull tifel u tifla, u din għandha ssir immedjatament.

Fl-2022, filwaqt li nirrikonoxxu li r-rata ta’ early school leavers qed tonqos, ma nistgħux ma ninkwetawx għall-fatt li f’pajjiżna għad għandna ħafna żgħażagħ li wara 11-il sena ta’ tagħlim obbligatorju, joħorġu mis-sistema tagħna, jew ikomplu jistudjaw (imma mhux dejjem jaslu) b’livell 1 jew 2 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki (l-MQF level). Dan jikkonferma u jafferma li allura għandna sistema edukattiva li qed tfalli lil xi wħud, lil dawk li minkejja kollox mhumiex jieħdu mqar il-minimu minn sistema li għandha tkopri l-ħteġijiet ta’ kulħadd skont id-diversifikazzjonijiet mistennija fis-seklu tal-lum.

Għalhekk irridu edukazzjoni li tagħraf il-kwalitajiet individwali, għax LE, mhux kulħadd huwa l-istess, kulħadd għandu dritt jasal, bil-modi diversi tiegħu. Imma hija ħasra, u ta’ dispjaċir, li għadna lura milli nifhmu verament xi tfisser il-kelma “inklussività”. Irridu nagħrfu kemm huwa importanti li nidentifikaw id-diffikultajiet fit-tagħlim sa minn kmieni kemm jista’ jkun, għalhekk hija fir-responsabbiltà tal-Gvern li jaqta’ għalkollox id-dewmien żejjed fis-sistema ta’ statementing. Dan għandu jkun biss il-bidu.

Ma nistgħux ninħbew aktar wara l-fatt li l-assessjar biss ma jista’ qatt isolvi d-diffikultajiet kollha. Li nagħtu s-servizz tal-LSEs waħdu, ma jfisser xejn. Irridu naraw li l-edukaturi fl-iskejjel tagħna jkollhom biżżejjed riżorsi, tagħmir u tagħlim, taħriġ… sabiex nindividwalizzaw kull diffikultà ta’ kull tifel u tifla u napproċjawhom bi programmi speċifiċi, inkulssivi imma li finalment iwasslu għal-linearità mal-bqija. Hekk biss inkunu ġusti u inklussivi.

Wisq ninkwieta li l-edukazzjoni tagħna mhix addattata biżżejjed, mhix aċċessibbli biżżejjed, mhix aċċettabbli biżżejjed u mhix disponibbli biżżejjed. L-edukazzjoni għadha wisq tiddependi fuq l-għalliema, u din ngħidha b’responsabbiltà u rridu nibdew indawru r-rota u nifhmu kemm hu importanti li l-edukazzjoni tkun qiegħda tinbena fuq l-istudent, għall-istudent u tal-istudent.

Jekk verament irridu naraw edukazzjoni addattata u aċċettabbli, irridu nagħrfu li d-dinja soċjoedukattiva qed tinbidel, it-tfal qed jinbidlu, imma l-eduktauri mhux dejjem huma mogħtija l-ispazju u l-għodda biex huma wkoll jinbidlu u jimirħu fiż-żminijiet li jġibu diversi sfidi magħhom. Għal dawk li l-edukazzjoni qed tfalli, għalihom mhix disponibbli, mhix addatatta, mhix aċċessibbli, mhix aċċettabbli. L-edukazzjoni trid tilħaq l-imħuħ u l-qlub, u ħafna drabi l-edukazzjoni tagħna tasal biss sal-widnejn. Irrid nara edukazzjoni aktar relevanti sabiex tappella għal kulħadd.

Inħoss li ma għandhiex għaliex nibżgħu mill-bidliet, jekk kemm-il darba jkunu strutturati u maħsuba.

Imma fil-klassijiet irrid nara anqas burokrazija u aktar libertà, anqas sillabi u aktar kreattività, anqas studju bl-amment u aktar riċerka, anqas kitba u aktar ħsieb, anqas robotizzazzjoni u aktar umanità, anqas riġidità u aktar spazju, anqas għeluq u aktar ftuħ, anqas stress u aktar tfulija u anqas biżgħat u aktar kuraġġ.

Hekk, biss nistgħu nagħtu ħajja diċenti li fiha nwelldu futur sabiħ, sostna Justin Schembri