Lokali

Jinfetaħ il-perjodu ta’ nominazzjonijiet għall-kariga ta’ Kap tal-PN

Ilbieraħ filgħaxija, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalist Colin Bowman bagħat ir-rapport ta’ due dilligence dwar Bernard Grech lill-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data u lill-Kunsill Amministrattiv, skont kif jitlob l-istatut tal-Partit.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kummissarju Elettorali Peter Fenech, il-Partit Nazzjonalista qal li fil-Konklużjoni tal-Kummissjoni Kandidati ingħad li, abbażi tat-tweġibiet mogħtija minn Bernard Grech, hu nstab idoneju li jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk wara li l-Kunsill Amministrattiv u l-Kummissjoni Elettorali ħadu nota tal-konklużjoni tal-proċess ta’ due diligence, il-Kummissjoni Elettorali fetħet il-perjodu ta’ proċess ta’ nominazzjoni li fih Bernard Grech jista’ jitfa’ n-nomina, li trid tkun issekondata minn tliet Deputati, ħames Kunsillieri Lokali, 10 membri tal-Kumitat Eżekuttiv, 50 membru tal-Kunsill Ġenerali u 50 Tesserat tal-Partit, kif jitlob l-Istatut.