Lokali Qorti

Kessler ordnat mill-Qorti biex jiġi Malta u jixhed kontra John Dalli

L-eks direttur ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), Giovanni Kessler kien ordnat jiġi Malta biex ikompli jixhed kontra l-eks Kummissarju tal-UE John Dalli. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo issospendiet ix-xhieda ta’ Kessler u ordnat lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jassigura li x-xhud jiġi Malta biex ikompli fiżikament ix-xhieda tiegħu.

Il-Qorti nnutat kif hija ltaqgħet ma’ diversi diffikultajiet bix-xhieda permezz tal0mezzi soċjali, speċjalment minħabba l-link tal-video li ta’ spiss jesperjenza diffikultajiet tekniċi, li jista’ wkoll jagħti lok għal problemi fit-traskrizzjoni. Kien hemm drabi meta x-xhud tkellem waqt li kien mitkellem minn xi ħadd mill-partijiet.

Kessler kien qed jixhed permezz ta’ video link fil-kumpilazzjoni ta’ provi kontra John Dalli, li jinsab mixli b’kummerċ fl-influwenza (trading in influence) u attentat ta’ tixħim ta’ €60 miljun mitlub mill-eks assistent tiegħu, Silvio Zammit, biex jgħin biex titneħħa projbizzjoni fl-UE kollha fuq it-tabakk snus.

Snus huwa disponibbli biss għall-bejgħ fl-Isvezja taħt deroga iżda huwa pprojbit fl-Ewropa. Dalli kien irriżenja minn Kummissarju tal-UE f’Ottubru tal-2012 minħabba allegazzjonijiet li kien konxju li Zammit kien talab tixħim mingħand kumpanija tat-tabakk biex timmodifika l-leġiżlazzjoni tal-UE u ma għamel xejn dwarha. Zammit kien mixli fuq il-każ iżda miet qabel ma l-każ ġie konkluż.

Kessler qal lill-qorti dwar is-sejbiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF li pprovdiet evidenza li Dalli kellu laqgħat privati irregolari, f’Malta ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tabakk f’Awwissu tal-2010 u f’Jannar tal-2012.

Kessler qal li kien hemm laqgħa ppjanata bejn l-avukata Maltija Gayle Kimberley, li kienet inħatret mill-produttur tal-isnus Swedish Match biex tagħmel lobby direttament lill-Kummissarju, Dalli u Zammit. Madankollu, tliet ijiem qabel il-laqgħa, stabbilita għall-10 ta’ Frar 2012, Zammit ikkanċella, u qal lil Kimberley li Dalli ma riedtx jiltaqa’ magħha.

Kessler qal li l-laqgħa kienet maħsuba biex tara x’jista’ jagħmel il-Kummissarju biex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-isnus. Kimberley imbagħad ħejjiet dokument b’mistoqsijiet li riedet tagħmel lil Dalli u għaddietu lil Zammit. Qal li Zammit u Dalli ltaqgħu u r-reġistri tat-telefonati juru li Zammit kellu telefonata ta’ 25 sekonda ma’ Dalli fl-10.18am u mbagħad ċempel lil Kimberley fil-11.11am, fejn talab biex jiltaqa’ għal ikla meta taha l-istess dokument b’noti miktuba bl-idejn.

Waqt dik il-laqgħa, Zammit qal lil Kimberley li Dalli kien lest li jikkunsidra li jneħħi l-projbizzjoni iżda ried il-flus. Kessler qal li Kimberly irrapportat lura lir-rappreżentanti ta’ Swedish Match li vjaġġaw Malta ftit jiem wara meta ltaqgħu ma’ Zammit direttament. Dan kien meta ssemmiet iċ-ċifra ta’ €60 miljun.

Matul is-seduta, Dalli ġie mwissi mill-maġistrat li kieku kien se jkompli jinterrompi, kienet se tkeċċih barra mill-awla, l-aktar biex jakkuża lil Kessler li kien qed jigdeb taħt ġurament. L-avukati difensur Steve Tonna Lowell u Stefano Filletti ilmentaw li x-xhieda bil-mezzi soċjali kienet qed tkun diffiċli biex tikkontrolla lix-xhud.

Qalu li se jitolbu li Kessler ikun f’Malta fiżikament għall-kontro-eżami. Tonna Lowell insistia li dak li qal Kessler waqt is-seduta kien inammissibbli bħala prova peress li kien kollu ‘hear say’. L-Avukat Antoine Agius Bonnici f’isem l-uffiċċju tal-AĠ ammetta d-diffikultà iżda saħaq li ma nkisret l-ebda proċedura tal-qorti.

Il-maġistrat imbagħad ordnat lill-prosekuzzjoni biex tiżgura li Kessler ikun Malta għas-seduta li jmiss. Kessler, li kien għadu ‘on line’, ma oġġezzjonax u sempliċement qal li kien jeħtieġ avviż bil-quddiem biex jippjana l-vjaġġ. Minn naħa tal-pulizija l-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Anthony Scerri.