Futbol Sport

Kevin De Bruyne protagonist fir-rebħa ta’ Man City fuq Wolves

(Ritratt: EPA)

F’Molineux Stadium Man City komplew bit-taqtigħa tagħhom għar-rebħ tal-Premier League meta għelbu lil Wolves bl-iskor ta’ 4-1. Protagonist assolut kien il-midfielder Kevin De Bruyne li skorja l-erba’ gowls għas-citizens. Huma fetħu l-iskor fis-seba’ minuta meta Bernardo Silva għadda lejn il-Belġjan li xeħet fix-xibka għal 1-0. Erba’ minuti wara reazzjoni immedjata minn Wolves li kisbu d-draw permezz ta’ Leander Dendoncker. Ħames minuti wara Kevin De Bruyne rdoppja qabel fl-24 minuta hu għaqqad il-hat-trick personali. Ir-raba’ gowl ta’ De Bruyne wasal fis-60 minuta meta approfitta minn rebound u xeħet fix-xibka għal 4-1. City għamluhom ħamsa fl-84 minuta meta Jack Grealish għadda lejn Raheem Sterling li tefa’ fix-xibka għal 5-1.

L-inkwiet tar-relegation kompla jikber għal Leeds United li tilfu f’darhom, 0-3 kontra Chelsea. Dan ir-riżultat ifisser li l-Yorkshiremen għadhom it-tielet mill-aħħar fil-klassifika b’34 punt (l-istess bħal Burnley iżda b’differenza ta’ gowls agħar) u fadlilhom biss żewġ logħbiet – kontra Brighton and Hove Albion u Brentford — biex isalvaw l-istatus tagħhom fl-ogħla diviżjoni Ingliża. Chelsea niżlu għal din il-logħba konxji li nhar is-Sibt iridu jilgħabu l-finali tal-FA Cup kontra Liverpool (f’Wembley) iżda huma ma setgħux kellhom bidu aħjar meta Mason Mount (4) irċieva mingħand Reece James u spara fis-saqaf tax-xibka, bil-gowlkiper Meslier megħlub għal kollox. Il-pjan ta’ Leeds tar mar-riħ b’dan il-gowl u l-logħba, għalihom, kompliet għat-telgħa meta tkeċċielhom Daniel James, wara biss 24 minuta, għal daħla kerha u perikoluża fuq Mateo Kovacic. Fit-tieni taqsima, Chelsea komplew iżidu l-gowls mingħajr wisq affann – bi Christian Pulisic (55) jirdoppja fuq suġġeriment ta’ Mount u b’Romelu Lukaku (83) jagħlaq kull diskors b’xutt qawwi mill-viċin għat-3-0 finali. Intant, il-Blues ta’ Thomas Tuchel baqgħu jżommu t-tielet post fejn jinsabu b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Arsenal li llum huma impenjati ma’ Tottenham Hotspur fid-derby ta’ Londra.

Leicester City għelbu lil Norwich City 3-0 f’logħba prattikament bla storja fil-King Power Stadium. Dan meta l-Foxes jinsabu komdi f’nofs il-klassifika, bil-Canaries diġà huma kkundannati għal The Championship wara staġun mill-aktar diżappuntanti għalihom. L-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet iżda wara l-mistrieħ, Jamie Vardy (54) irċieva mingħand Harvey Barnes biex jiftaħ l-iskor b’xutt minn tarf il-kaxxa. Seba’ minuti wara kien imiss lill-istess Vardy li jagħmilhom 2-0, fuq assist ieħor ta’ Barnes, b’James Maddison iżid ismu mal-iskorers fis-sebgħin minuta.Watford u Everton spiċċaw fi dro ta’ bla gowls f’Vicarage Road, bil-punt mirbuħ jista’ jiswa mitqlu deheb għal Everton li għadhom mhumiex salvi u li qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ punti biss (b’logħba anqas) fuq Burnley u Leeds.

Il-logħba ma kellhiex importanza għal Watford li huma t-tieni tim relegat f’dan l-istaġun iżda huma rnexxielhom iżommu ‘clean sheet’ rari minkejja li t-Toffees kienu l-aktar tim perikoluż għal ħafna ħinijiet. Everton marru l-eqreb li jiftħu l-iskor fit-tieni taqsima meta Ben Foster wettaq save spettakolari fuq it-tentattiv ta’ Richarlison — b’Demarai Gray ifalli banalment wara li spiċċa waħdu quddiem il-gowlkiper tal-Hornets. Intant, Watford għadhom kemm ikkonfermaw lil Rob Edwards bħala l-manager ġdid wara li hu kien strumentali fil-promozzjoni ta’ Forest Green għal League One għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-klabb.

PREMIER LEAGUE

It-Tlieta Aston Villa v Liverpool 1-2 Illum Leeds v Chelsea 0-3, Leicester v Norwich 3-0, Watford v Everton 0-0, Wolves v Man City 1-5 Għada Tottenham v Arsenal 8.45pm