Lokali Parlament

Naħdmu għal ħajja, futur u pajjiż aħjar

#MartinAgius #PhotoJournalist #Photographer #Photography #Photo #Image #Pic #Malta

Ivan Castillo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li f’dan il-parlament irridu naħdmu għal ħajja, futur aħjar u pajjiż aħjar.

Fil-parlament Ivan Castillo rringrazzja lir-residenti tat-12-il distrett u qal li hu privileġġ li qed jirrappreżentakom fi ħdan l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Kif nista’ nirrappreżentak hawn fil-parlament jekk ma nafx int x’tixtieq, l-aspirazzjonijiet tiegħek, l-ideat tiegħek u l-bżonnijiet tiegħek? Ma nistax inkun rappreżentattiv denju, u nirrappreżentak kif jixraqlek hawn f’dan il-parlament jekk ma nafx kif taħseb dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza kemm għalik , kif ukoll għal dawk ta’ madwarek.

Huwa propju għalhekk li l-unika wiegħda li għamilt waqt il-kampanja tiegħi għall-elezzjoni ġenerali kienet li nibqa’ vicin in-nies, bħalma kont f’dawn l-aħħar snin, biex nassigura li kwistjonijiet, ideat u aspirazzjonijiet, jiġu diskussi u jingħataw l-importanza li jixirqilhom … li l-poplu jħoss li jixirqilhom. Irrid nara li l-aspettattivi tiegħek jintlaħqu, irrid niżgura li l-ħolm tiegħek isir realtà.

Ivan Castillo qal li m’hemm l-ebda idea ħażina, l-ebda proposta mhux tajba, l-ebda kwistjoni li mhix importanti biżżejjed biex MA TIĠIX diskussa. L-ideat, ġejjin minn fejn ġejjin, dejjem fihom x’tiżen, dejjem fihom valur. Hija r-responsabbiltà tagħna li nkunu l-vuċi ta’ kull persuna, ta’ kull età, ta’ kull demografija, hix sinjura jew fqira, anzjana jew żagħżugħa, raġel, mara jew LGBTIQ. Leħnek irid jinstema’ u jien qiegħed hawn inwiegħed li se nwasslu.

Meta kellna l-ewwel seduta tagħna nhar is-Sibt li għadda, xi ħadd li għandi rispett kbir lejh qalli, “ftakar f’dan il-jum, ftakar kif tħossok bħal issa, u tinsiex. Ipprova żżomm dan l-istess sentiment li qed tħoss sakemm tibqa’ fil-parlament għax hekk jixraqlu l-poplu.”

Bħala membru tal-Oppożizzjoni, nifhem li għandna l-obbligu li nassiguraw li nkunu ta’ skrutinju fuq il-Gvern, u nassiguraw li l-Gvern juża r-riżorsi mislufa mill-poplu b’mod responsabbli u għall-ġid tiegħu u tal-pajjiż. Dan irid isir b’mod kostruttiv u mhux distruttiv. Għandna l-obbligu li nassiguraw li aħna, bħala oppożizzjoni mhux biss inkunu għassa tal-gvern u li nsemmgħu leħinna fuq kull ħaġa li nħossu li ma ssirx fl-ispirtu tal-ġid komuni u ta’ governanza tajba, iżda rridu wkoll inkun kostruttivi.

Għax nemmen li biex nirrapreżentaw bl-aħjar mod lill-poplu, biex niżguraw li l-poplu jingħata l-aqwa kwalità ta’ ħajja, irridu nkunu wkoll produttivi fil-kritika tagħna. Nemmen li, bħala politiċi, biex inkunu fdati, biex il-poplu jerġa’ jħares lejn il-politika b’mod pożittiv, irridu nkunu konsistenti u nħarsu ‘l quddiem. Irridu naraw li dak li nwiegħdu jitwettaq, u dan jirriżulta f’ħajja aħjar għal dawk li nirrappreżentaw.

Irrid ngħid però li din mhix logħba one way. Dan irid jitwettaq miż-żewġ naħat! Il-Gvern għandu wkoll id-dmir li jagħti widen lill-oppożizzjoni, li jassigura li l-proposti mressqa mill-oppożizzjoni jingħataw l-importanza tagħhom. Ikun tal-mistħija jekk proposta jew idea mressqa mill-oppożizzjoni li tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna tintrema sempliċiment għax tkun ġiet min-naħa tal-oppożizzjoni.

15% tal-poplu Malti wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-politika billi ma ra l-ħadd minna denju għall-vot. Jekk din mhix wake up call għall-qagħda politika taghna ma nafx x’inhi!

Qed jgħidulna li jridu politiċi responsabbli biex niżguraw li nwarrbu l-politika tribali u nħarsu lejn il-ġid komuni. Nassigurakom li l-ġid komuni huwa parti mid-DNA ta’ din in-naħa tal-kamra.

Aħna, li lkoll ingħatajna t-titlu ta’ onerabbli, issa rridu naħdmu biex niżguraw li dan it-titlu jkun jixraqilna.

Ejja nidħlu f’din il-kamra u niddiskutu kif nagħmlu l-ħajja tal-poplu tagħna aħjar. Ejja niddiskutu, ejja naqblu jew ma naqblux dwar il-proposti li nressqu. Imma ejja nagħtu widen lil xulxin. Is-suġġett tad-diskussjoni tagħna għandu jkun il-messaġġ mhux il-persuna li qiegħed iwassal il-messagg.

Il-poplu jrid jara politiċi ġenwini u ta’ rieda tajba li ma jibżgħux jieħdu d-deċiżjonijiet.Nagħmlu l-akbar żball jekk naħsbu li l-ġenwinità tal-membri ta’ din il-kamra hija dgħufija li jista’ jittieħed vantaġġ minnha. M’hemm xejn onorabbli b’dan it-tip ta’ attegġjament.Iż-żewġ naħat għandna ħafna xogħol x’nagħmlu. Għalhekk ejjew niżguraw li dak ix-xogħol isir b’diliġenza u b’rispett.

Fid-diskors tiegħu, il-President għamel aċċenn għall-ħaddiema ta’ pajjiżna. Semma’ li huwa inkoraġġanti li tara rata ta’ qagħad daqshekk baxxa, u naqbel; in-numri huma inkoraġġanti ħafna.

Iżda n-nies mhumiex numru, u rridu niżguraw li l-ħaddiema tagħna mhux biss ikunu impjegati iżda jkollhom impjieg li jagħtihom dinjità u pagi tajbin b’kundizzjonijiet tajbin. Irridu naraw li mhux biss jipprovdu biżżejjed għall-familja tagħhom iżda jippermettilhom jgħixu aħjar minn qabel; li l-kunċett ewlieni ta’ work-life balance ikun attwat u mħares, qal Ivan Castillo.

Biex nagħmlu dan irridu niżguraw li nattiraw investiment ta’ kwalità, biex niżguraw li nipprovdu xogħol ta’ valur miżjud. Sfortunatament illum hemm klassi ta’ ħaddiema li jridu jaħdmu żewġ impjiegi, mhux biex jagħmlu kapriċċ, iżda biex jaraw li r-responsabbiltajiet finanzjarji tagħhom ikunu mħarsa.

Nistgħu nattiraw dan l-investiment ta’ kwalità jekk aħna nkunu pajjiż ta’ kwalità b’reputazzjoni tajba. Dan għandu jkun wieħed mill-għanijiet primarji tagħna. Irridu nkunu umli u kuraġġużi biżżejjed biex nidentifikaw dak li jrid isir u naraw li jsir. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar inkunu qed nitilfu l-opportunità bħala pajjiż, kif ukoll il-ħaddiema tagħna flimkien mal-familji tagħhom.

Qegħdin ngħixu f’pajjiż Ewropew fejn għadd ta’ ħaddiema jaħdmu fil-prekarjat, fejn ma jitħallsux pagi ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, fejn il-ħaddiema ma jingħatawx kuntratti tax-xogħol, fejn aħna għadna nsibu diffikultà biex nattiraw l-impjiegi f’setturi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u korpi tad-dixxiplina.

U ma’ dan kollu għandna id-dover li nipprovdu ħajja ta’ kwalità għall-familji Maltin, niżguraw li d-direttiva ta’ work life ballance li tnediet minn David Casa mhux tigi implimentata biss, iżda mtejba, għax hekk jixraqlu l-ħaddiem Malti u Għawdxi!

Irridu nassiguraw li noħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, irridu naraw li nżommu t-talent lokali, dan it-talent li llum huwa aktar interessat f’dan il-bilanċ milli fil-pagi. Ħaddiem illum ifittex il-kwalità tal-ħajja. Din saret priorita’. Irridu nifhmu li qed ngħixu f’ambjent ekonomiku fejn dan it-talent lokali jaf li jista’ jitħallas aħjar f’imkejjen oħra, f’pajjiżi oħra. Għaldaqstant jeħtieġ li nipprovdu iżjed biex nassiguraw li nibqgħu kompetittivi u ma nitilfux iżjed ħaddiema u professjonisti.

Li nipprovdu lill-ħaddiema tagħna impjiegi ta’ kwalità aħjar, kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar, b’bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol ifisser li qegħdin fit-triq it-tajba, li qed nagħmlu x-xogħol tagħna tajjeb.

Hemm bżonn li ninvestu wkoll f’min iħaddimna. Hemm bżonn niżguraw li noħolqu ambjent fejn dawn ikunu jistgħu jkomplu jinvestu mill-ġdid fil-kumpaniji taghhom u ngħinuhom jikbru. Mingħajr min iħaddem qatt ma jista’ jkollna ħaddiema.

Nirringrazzja lill-Unions ta’ pajjiżna, li jgħinuna nidentifikaw il-potenzjal tal-membri tagħhom u l-benefiċċji ekonomiċi. Irridu naraw li dawn jingħataw l-assistenza finanzjarja biex ikomplu jirriċerkaw kif nistgħu nkomplu ntejbu l-qagħda tax-xogħol f’pajjiżna.

Inkun qed nagħmel disservizz jekk fil-maiden speech tiegħi ma nirringrazzjax lil marti, lill-familja tiegħi u l-ħbieb li mxew miegħi dan il-vjaġġ. Fuq kollox nixtieq niddedika dan id-diskors lill-mibki missieri li kien ħabib ta’ ħafna minnkom hawn. Kemm nixtieq li kien hawn jismagħni.

Nitlob lil Alla biex jagħtini s-saħħa u d-dehen li ntemm dan il-vjaġġ, ikun meta jkun, bl-istess ġrinta u ideoloġija li bdejt biha. Għal ħajja aħjar, għal futur aħjar u għal pajjiż aħjar, temm Ivan Castillo.