Lokali Parlament

Problemi dejjem jikbru ta’ faqar fil-pajjiż

Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li fil-pajjiż il-problema ta’ faqar u ta’ persuni li għandhom diffikultà biex ilaħħqu mal-ħajja qed dejjem tiżdied.

Fil-parlament Paula Mifsud Bonnici qalet li s-soċjetà għandha tkun waħda mibnija fuq ir-rispett u fuq id-dinjità tal-anzjani. Is-servizzi tas-saħħa soċjali u għall-anzjani huma essenzjali iżda l-pajjiż irid ikollu politika li tirrifletti l-bżonnijiet tal-anzjani biex titjieb ir-rata ta’ inklużjoni soċjali fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li gvernijiet Nazzjonalisti kienu pijunieri fl-introduzzjoni tas-servizzi għall-anzjani fil-pajjiż. Fost dawn kien hemm ir-residenzi ġodda u l-modernizzar tar-Residenza San Vinċenz de Paule; dan flimken mal-introduzzjoni tad-djar għall-anzjani fil-komunità. Jeħtieġ li jkunu esplorati mudelli ġodda ta’ kura u benefiċċji għall-anzjani li għandhom bżonn.

Paula Mifsud Bonnici qalet li mhux minnu l-faqar qed jinżel fil-pajjiż għaliex il-fatti jitkellmu weħidhom. Ftit ġimgħat ilu l-NSO qal li dawk imċaħħda severament telgħu għal 27,000 persuna.

Irid ikun ikkunsidrat ukoll li stħarriġ tal-Caritas ikkonferma li l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali tal-ikel żdiedu b’madwar €1,400 fis-sena. Hawn ukoll 18,000 pensjonant bi dħul ta’ inqas minn €500 fix-xahar.

Paula Mifsud Bonnici qalet li għandu jkun assigruat li ma jkunx hemm nuqqas ta’ infermiera f’San Vinċenz biex jintużaw is-sodod kollha u ma jkunx hemm sodod vojta għax m’hemmx infermiera biżżejjed.