Lokali Qorti

Sentenza sospiża għall-Pollakk li hedded erba’ Pulizija

Pollakk ta’ 37 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €800 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li hedded erba’ Pulizija li joqtolhom jekk imissulu l-mara. Dan wara argumenti kbir li kellu mal-mara li kienet xurbana.

Adam Andrzej Kuza wieġeb ħati li insulenta u hedded uffiċjali tal-Pulizija, liema nċident seħħ fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Mejju lta’ dan ix-xahar. Ir-raġel kellu xi jgħid bil-kbir ma’ martu wara li kellha inċident kaġun ta’ lejl ta’ xorb kontinwu u għalhekk kellha bżonn il-kura medika.

Il-Pulizija marru fuq fejn il-koppja u ssuġġerrew li hija tintbgħat l-isptar. Madankollu hawn seħħ argument u Kuza spiċċa jhedded lil-pulizija bi kliem ħażin u li donnu beda jaħseb li kienu se jagħmlu xi ħaġa lil martu. Wara rriżulta li l-imputat kien ukoll fis-sakra bħal martu u fil-fatt huwa ammetta li kien ikkonsma ammont konsiderevoli ta’ alkoħol.

Fil-fatt huwa ammetta wkoll li kien fi stat ta;’ sokor u mhux kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Kuza skuża ruħu fil-Qorti u sostna li huwa ċittadin tajjeb u qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li jasal s’hawn.

Wara li sema’ l-argumenti minn naħa tad-difiża u l-prosekuzzjoni, il-Maġistrat Caruana kkundannah 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u €800 multa. L-Ispettur Roderick Attard qal ukoll lill-Qorti li l-Pollakk ikkopera mal-Pulizija u ammetta li huwa kien xurban, xi ħaġa li l-Qorti qieset ukoll peress li l-imputat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.