Internazzjonali

Sri Lanka: Tensjoni kbira fost ir-rabja għan-nuqqasijiet tal-ikel u l-fuel

Il-Gvern tas-Sri Lanka ħareġ lill-qawwiet tas-sigurtà fit-toroq fost l-ordnijiet biex huma jisparaw għan-nies li jinqabdu jwettqu l-azzjonijiet vjolenti jew li jkunu qed  jisirqu mill-istabbilimenti fl-ibliet tal-pajjiż.

Dan meta għaddejjin il-protesti popolari kontinwi dwar kif il-Gvern qed jieħu ħsieb kriżi ekonomika kbira li qed taffettwa bil-kbir lill-għajxien taċ-ċittadini.

Minkejja li tħabbar curfew fuq bażi nazzjonali, il-folol tan-nies, għat-tieni lejl konsekuttiv, taw in-nar lill-ħwienet qrib il-belt kapitali ta’ Kolombo kif ukoll lil resort li hu l-proprjetà ta’ iben l-eks Prim Ministru tas-Sri Lanka, Mahinda Rajapaksa.

L-eks Prim Ministru fil-preżent jinsab f’bażi militari wara li rriżenja nhar it-Tnejn fost ir-rabja tal-poplu dwar in-nuqqasijiet tal-ikel u l-fuel fuq bażi nazzjonali.

L-inkwiet fis-Sri Lanka ilu għaddej min-nhar it-Tnejn fost rapporti li, minn dakinar, mietu talanqas għaxra, b’mijiet jisfaw midruba waqt sensiela ta’ inċidenti vjolenti.