Lokali

Tony Sultana jinħatar Segretarju Permanenti Ewlieni flok Mario Cutajar

Imħabbar min se jkun is-sostitut ta’ Mario Cutajar bħala Segretarju Permanenti Ewlieni.

Dan wara li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat in-nomina ta’ Tony Sultana bħala Segretarju Permanenti Ewlieni, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

In-nomina ta’ Sultana tressqet quddiem il-Kabinett tal-Ministri mill-Prim Ministru Robert Abela. Wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, in-nomina ntbagħtet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-approvazzjoni tagħha għaddiet għand il-President tar-Repubblika biex issir il-ħatra.

Din il-ħatra issa tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2022.

Fl-aħħar snin is-Sur Sultana mexxa l-Malta Information and Technology Agency fl-irwol ta’ Chairman Eżekuttiv.

Hu għandu 36 sena esperjenza fis-settur pubbliku u mexxa bidliet importanti biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku.

Tul is-snin kien fdat bi proġetti maġġuri bħal ma kienu t-tmexxija tal-Euro IT Task Force u sistemi ġodda fis-settur tal-enerġija.

Is-Sur Sultana hu kwalifikat fil-Matematika u l-Computing mill-Università ta’ Malta u fl-immaniġġjar mill-Università ta’ Anglia fir-Renju Unit.