Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Ġurnalista tal-Al Jazeera maqtula waqt rejd f’Jenin

Ġurnalista Amerikana ta’ nisel Palestinjan qalgħet diversi tiri fatali f’’ħin meta hi kienet qed tirrapporta dwar rejd tal-qawwiet Iżraeljani fil-belt ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent.

Il-vittma ta’ 51 sena jisimha Sherine Abu Aqla li kienet qed tħejji servizz għall-istazzjon tal-Al Jazeera, li hu bbażat fil-Qatar.

Kelliema għal dan in-network qalu li l-qtil tal-ġurnalista seħħ minħabba l-iskopijiet brutali tat-truppi Iżraeljani f’Jenin fost rapporti li l-produttur tas-servizz li kien ma’ Abu Aqla spiċċa ferut fl-istess azzjoni.

Iżrael qed jiċħad li t-truppi tiegħu qatlu lill-ġurnalista, bl-Uffiċċju tal-Prim Minitru Iżraeljan jirreferi għal probabbiltà kbira li l-Sherine Abu Aqla spiċċat milquta mill-Palestinjani armati li dak il-ħin kienu qed jisparaw fuq it-truppi ta’ Iżrael.

Sadanittant, il-President tal-Palestinjani, Mahmoud Abbas, qal li qed iżomm lill-Gvern Iżraeljan responabbli dwar il-qtil tal-ġurnalista waqt li fisser l-azzjoni qattiela bħala reat li jinvolvi l-esekuzzjoni ta’ persuna li ma kenitx armata.