Lokali Qorti

30 xahar ħabs u multa ta’ €5,000 fuq serq bil-Qorti twissih biex jaqbad it-triq it-tajba

Żagħżugħ ta’ 19 il sena, li għandu problema ta’ droga ġie kundannat għal 30 xahar ħabs mill-Maġistrat Nadine Lia wara li ammetta li f’Jannar li għadda ġewwa San Ġiljan seraq żewġ mobiles u għamel ħsara fil-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor. Il-Qorti wissiet lil Sayfedine Bonavia minn San Pawl il-Baħar biex jaqbad ir-triq it-tajba għax se jispiċċa ħażin. Huwa nstab ħati wkoll li rreżista bi vjolenza u ħebb għal tliet membri tal-korp tal-pulizija u li ma kienx liebes il-maskra.

Minkejja l-ammissjoni tiegħu, il-Qorti lliberatu minn żewġ akkużi li ma jistax jinstab ħati tagħhom.L-akkuża li kkommetta reati ta’ natura volontarja waqt perjodu ta’ senstenza sospiża, ma kinitx veritiera għax is-sentenza kienet ta’ ordni ta’ probation u mhux sospiża.

Dwar l-akkuża li rrenda ruħu reċidiv, il-Qorti qalet li l-unika sentenza li kellu kienet ta’ ordni ta’ probation u għalhekk ma jistax jitqies bħala riċediv. Għaldaqstant, minkejja li ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih, il-Qorti ma sabitux ħati ta’ dawn iż-żewġ akkużi.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset l-fatt li l-akkużat iddispjaċih għal dak li għamel iżda mill-banda l-oħra għamilx tajjeb għall-ħsara li wettaq. Il-Maġistrat esprimiet it-tħassib tagħha minħabba li minkejja għadu jibda d-dinja u għandu opportunitajiet kemm irid qiegħed jippreferi jeqred il-futur tiegħu qabel ma jibda.

Il-Maġistrat Lia qalet li huwa minnu li kellu ċertu diffikultajiet fit-trobbija tiegħu, iżda dan ma jiġġustifika bl-ebda mod it-triq kriminali u delikwenti li daħal fiha. Huwa importanti, qalet il-Qorti, li jagħraf ir-responsabbiltà ta’ għemilu u jbiddel l-attitudni tiegħu sabiex jaqbad it-triq it-tajba.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha spjegat li waqt li trid tara l-aspett riformattiv taż-żagħżugħ, trid issib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien tas-soċjetà inġenerali. Għaldaqstant hija kkundanatu 30 xahar ħabs u multa ta’ €5,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ trattament għall-imputat biex jgħinu sabiex jegħleb il-vizzji. Hija ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tliet pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Brian Xuereb.