Matul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, il-President tal-Irlanda Michael Higgins iltaqa’ mal-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Din il-laqgħa kordjali saret f’lukanda f’San Ġiljan fejn Bernard Grech u d-delegazzjoni tal-PN idduskutew diversi temi li huma ta’ interess għal Malta, kif ukoll għall-Irlanda.
F’kummenti lil Net News wara din il-laqgħa, il-Kap tal-PN iddeskriva l-laqgħa bħala waħda pożittiva u spjega illi fiha kellu l-opportunità jiddiskuti diversi materji t’interess reċiproku fosthom in-newtralità, l-Unjoni Ewropea, l-Imigrazzjoni, kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna li kif spjega Bernard Grech “tista’ thedded l-istabillità fir-reġjun” fejn saħaq li għalhekk tkellem dwar l-importanza li l-pajjiżi kollha jifmhu li hemm bżonn nibqgħu viġilanti u nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fiċ-ċirkostanzi.
Waqt din il-laqgħa, il-Kap tal-PN, minn naħa tiegħu elenka fuq l-importanza ta’ għajnuna fil-qasam mediku, fil-qasam turistiku u fil-qasam tar-riċerka u żvilupp kif ukoll fil-qasam tal-enerġija alternattiva. Hu saħaq li bħala Partit Nazzjonalista “rridu nkomplu intejjbu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għaliex b’hekk kulħadd ikun jista’ jkompli jibbenefika u javvanza.”
Għal din il-laqgħa, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet tal-PN David Agius u Robert Arrigo, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, is-Segretarju Internazzjonali Veronica Perici Calascione u l-Kelliem Għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Beppe Fenech Adami.
//= $special ?>